Futbol Sport

Laqgħa bejn l-MFA u r-rappreżentanti tal-klabbs tal-Premier

Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo u l-ogħla uffiċjali tal-assoċjazzjoni kellhom laqgħa twila mal-Presidenti u r-rappreżentanti tal-klabbs tal-Kampjonat Premier. F’din il-laqgħa meqjusa bħala pożittiva, ġew diskussi diversi temi. Fosthom kien hemm id-diskussjoni dwar formula li fiha jkun hemm qbil unanimu dwar il-prezz ta’ kull plejer Malti li se jkun trasferit mal-klabb professjonali Malti fis-Serie C.

It-temi l-oħra li ġew diskussi huma ż-żieda fil-plejers barranin fil-Kampjonat Premier minn sebgħa għal disgħa plejers, l-introduzzjoni ta’ kampjonat ta’ taħt il-21 sena, iż-żieda fil-lista ta’ kull tim waqt logħba minn 18 għal 20 plejer, it-tneħħija tal-parametri darba għal dejjem, it-tneħħija tan-nursery compensation u l-introduzzjoni ta’ ħames sostituzzjonijiet mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni l-isfel.

Intant jidher li fil-jiem li ġejjin, se jkun hemm laqgħa tal-Premier Division Standing Committee. Hawn mistenni jkunu diskuss bejniethom dawn is-suġġetti biex meta ż-żewġ naħat jerġgħu jiltaqgħu, l-MFA jkollha l-proposti tal-PDSC.