Lokali Qorti

Libjan mixli li pprova jisraq minn karozza jaqla xeba’ mingħand sidha

Libjan ta’ 39 sena, li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li pprova jisraq radju minn karozza Mercedes, spiċċa biex qala’ xebgħa minn sid il-karozza li qabdu ġewwa fiha.

Abdulhamid Saied, li ma jaħdimx tressaq mill-Ispettur Trevor Micallef mixli b’attentat ta’ serq aggravat, ħsara volontarja u li kien fi sakra f’post pubbliku. Fil-Qorti l-akkużat deher għajjien, kellu ‘black eye’, iżomm il-kustilji u fraġli ħafna.

L-Ispettur Micallef qal fil-Qorti li mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li għall-ħabta tas-2.00am. Saied instab fil-karozza minn sid il-karozza f’Birżebbuġa jipprova jaqla’ r-radju tagħha.

L-akkużat qal fil-Qorti li huwa qala’ xebgħa kbira mingħand sid il-karozza u l-Pulizija għadha għaddejja bl-istħarriġ fuq il-każ. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Qal ukoll li m’għandux indirizz fiss, bl-Ispettur li ressqu jgħid ukoll li l-akkużat qal lill-Pulizija li kien tilef id-dokumenti ta’ identifikazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tiegħu.

L-Avukat Martha Mifsud, li deheret għalih qalet li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob biex il-klijent tagħha jingħata l-libertà proviżorja u għaldaqstant huwa nżamm arrestat.