“Summer Lust” hija t-tema ta’ festival tal-mużika annwali għall-familja kollha b’għan nobbli li se jittella’ fuq 2 iljieli nhar il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Mejju li ġej f’Ħal Għaxaq.
L-organizzazzjoni ta’ dan il-festival, li se jittella’ b’riżq Dar Bjorn tal-ALS Mallta, hija ta’ Għaxaq Music Events, fergħa fi ħdan l-Għaqda Mużikali San Ġużepp, u se jittellgħu fil-grounds tar-raħal fi Triq il-Barbazzal, biswit il-Knisja Parrokkjali.
Il-Kaxxier tal-istess Għaqda, Frank Zammit, elenka kif l-artisti barranin u Maltin tal-ogħla livell li se jieħdu sehem f’dan il-festival ma huma ħadd ħlief Thomas Anders, il-kantant oriġinali mid-duo popolari tas-snin 80, Modern Talking, u Ira Losco mal-band tagħha u numru ta’ kantanti magħha. Dawn il-kunċerti se jkunu ikkumplimentat bi spettakli pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar tal-Għaqda.
Il-Maltin b’hekk se jġeddu l-memorji ta’ meta Thomas Anders kien tella’ kunċert ieħor bl-aqwa reportorju tal-Modern Talking f’din il-lokalità lura fl-2012.
Il-manager ta’ Ira Losco, Howard Keith, filwaqt li ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi bi ħġaru għall-festival, li se jkun wieħed speċjali mhux biss għaliex huwa għal għan nobbli iżda għaliex se jkun wieħed mill-ftit kunċert li Ira se ttella’ din is-sena.
Is-sena 2020 hija waħda impenjattiva għal din l-Għaqda Mużikali u l-Ġużeppini Għaxqin għaliex qiegħdin ifakkru l-150 sena minn meta l-Papa Piju IX iddikkjara lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. Dan il-festival infatti se jservi ta’ preludju għall-Festa ta’ San Ġużepp li se tiġi ċċelebrata f’Ħal Għaxaq nhar il-Ħadd 7 ta’ Ġunju.
Minn naħa ta’ ALS Malta, Bjorn Formosa radd ħajr lil dina l-Għaqda Mużikali li permezz tal-volontarjat, għat-tieni sena konsekuttiva għażlet li l-fondi miġbura minn dan il-festival, imorru għall-proġett ta’ Dar Bjorn il-ġdida f’Ħaż-Żebbuġ, liema xogħol għaddej b’ritmu mgħaġġel iżda baqa’ l-aħħar sforz sabiex jinġabru l-fondi meħtieġa.
//= $special ?>