Internazzjonali

Sirja: It-Turkija twissi li offensiva f’Idlib tista’ tkun imminenti

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan wassal ‘l-aħħar twissija’ lir-reġim tal-President Sirjan Bashar al-Assad biex ma jkomplix bl-azzjonijiet ostili fl-inħawi ta’ Idlib. It-Turkija, fl-aħħar jiem, kellha taħditiet mar-Russja (alleata ta’ Assad) dwar is-sitwazzjoni f’dik il-provinċja Sirjana u filwaqt li t-taħditiet se jkomplu, ‘id-domandi tat-Torok dwar Idlib għadhom ‘il bogħod milli jkunu realizzati’.

Erdogan spjega li t-Turkija qed tħejji għal azzjoni fil-futur, fejn sostna li ‘offensiva tat-Torok (f’Idlib) tista’ sempliċiment qed iżżomm fuq kwistjoni ta’ żmien’. L-offensiva, fost oħrajn, għandha sservi biex twaqqaf l-assalt mill-Armata Sirjana fuq Idlib li qed jiddefenduh il-ġellieda tal-Oppożizzjoni Sirjana.

Min-naħa tiegħu, Erdogan hu determinat li jibdel il-fruntiera bejn pajjiżu u s-Sirja f’zona tas-sigurtà ‘irrispettivament minn kemm jista’ jkun diffiċli dan l-impenn’. Dan wara li s-Sirja u r-Russja ċaħdu d-domandi ta’ Erdogan biex jirtiraw il-qawwiet tagħhom lejn iz-zoni indikati għall-waqfien mill-ġlied li kien intlaħaq ftehim dwarhom fl-2018.

L-offensiva f’Idlib irriżultat f’900,000 ( ċivili) refuġjati mill-Ewwel ta’ Diċembru li għadda. Mijiet ta’ ċittadini nqatlu f’dan il-perjodu, bin-Nazzjonijiet Uniti tisħaq li l-maġġoranza tal-vittmi spiċċaw mira ta’ attakki mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan u l-alleati tiegħu.

F’din is-sitwazzjoni qed imutu wkoll numru allarmanti ta’ tfal mill-kesħa u meta l-ostilitajiet ‘qed javviċinaw’ iz-zoni ta’ Idlib li huma ffullati bin-nies.

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NU,  Antonio Guterres, sadanittant, sejjaħ għal waqfien mill-ġlied immedjat fisSirja u biex, f’dan il-pajjiż, ikun hemm ir-rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali. Guterres, fl-istess ħin, għamilha ċara li ‘ma teżisti l-ebda soluzzjoni militari għal-kriżi tas-Sirja’.