Lokali Qorti

Gafa’ jiltaqa’ ma’ Schembri kuljum iżda qatt ma ddiskutew xejn dwar l-assassinju

Fil-Qorti kompliet l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

X’ħareġ mix-xhieda ta’ Neville Gafa’:

  • Il-Gvern Laburista pogga’ person of trust għal KULL MINISTERU, ibbażat fl-Ufficcju tal-Prim Ministru
  • Neville Gafa’ kien il-persuna magħzula bħala person of trust ghall-Ministeru tas-Saħħa iżda kien jitla fuq xogħol dwar l-immigrazzjoni fil-Libja b’passaport diplomatiku
  • Apertament kien jikkritika lil Caruana Galizia u regolarment tella’ ritratti tagħha fuq il-profile tiegħu
  • Gafà, huwa ħabib intimu tal-eks Chief of Staff Keith Schembri
  • Kien konxju illi Schembri kien tilef il-mobile qabel gie arrestat… ma jafx sarx rapport għand il-pulizija dwar dan
  • Kien jaf li Schembri ma tax il-passwords lill-Pulizija
  • Regolarment, Gafa’ kien imur għal Schembri filgħodu, imorru mixja, joqgħodu jitkellmu, imorru d-dar jinħasslu u wara jmorru għax-xogħol
  • Neville Gafa’ kellu l-istess tabib Adrian Vella, bħal ma kellhom Keith Schembri u Yorgen Fenech

X’ħareġ mix-xhieda ta’ Nigel Vella:

  • Għamel share ta’ posts ta’ The Truth Project imma ma jidhirlux li qatt sema’ bih
  • Sejjaħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia “avveniment”
  • Ħareġ biss l-informazzjoni li s-superjuri tiegħu qalulu li kellha toħroġ
  • Ma jafx min kienu l-istaff ta’ Kastilja li sakkru l-ġurnalisti. Mhux ċert kienux staff f’Kastilja għax jafhom minn wiċċhom
  • Kien moħħu fis-sigurtà tal-Prim Ministru iżda qal li xogħlu ma kienx mal-uffiċjali tas-sigurtà
  • Kellu aċċess għar-raba sular fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista
  • Il-bord jgħid li jinsab imħasseb mill-kredibilità fir-risposti tiegħu
  • Mistoqsi għalfejn jitħallas f’Kastilja għaliex mhux juri għalfejn għandu l-kariga li għandu bit-tweġibiet tiegħu
  • Imwissi għal darba darbtejn biex ma jibqax ikun arroganti għaliex qiegħed il-qorti u mhux il-monti

Din l-inkjesta se tkun qed tkompli fil-21, 26 u 28 ta’ Frar fejn mistennija jixhdu fost ħafna oħrajn Glenn Beddingfield u Kenneth Camilleri.

Hawn taħt tista’ ssib id-dettalji kollha li ħarġu mill-qorti tul ix-xhied kollha.

Nigel Vella u Neville Gafa’

16:33 – Jason Azzopardi staqsa numru ta’ mistoqsijiet. “Kieth Schembri ġieli qallek dwar Chris Cardona u l-Omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia?” Gafa’ wieġeb “le”. “Qatt qallek li Chris Cardona kien mitlub jirranġa numru ta’ containers kutrabandu biex jirranga biex tinqatel Daphne Caruana Galizia?” Gafa’ wieġeb “le”. “Kien jgħidlek li kien iċempel kuljum bl-inkwiet lil Yorgen Fenech?”… “Kieth qatt ma qallek xejn dwar Yorgen Fenech”… Gafa’ wieġeb “Iva qalli li ddispjaċut li Yorgen Fenech qed jigdeb fuqu.”

Jason Azzopardi kompla jistaqsi dwar Melvin Theuma u staqsa jekk Shcmebri u Gafa’ qattx iddiskutewh. Gafa’ qal li qatt ma tkellmu dwar dan u li hu qatt ma saqsih kif iżeffen ismu fin-nofs għaliex miegħu ċaħad millewel xħin kienu qed jaqraw ir-rapporti fil-media flimkien. Gafa’ qal li hu ma jħobbx jistaqsi mistoqsijiet.

16:29 – Mistoqsi dwar it-tentattiv biex tingħata bail, li fih kien involut Kenneth Camilleri, Gafa’ qal li tkellem ma’ Camilleri wara li ħarġet din l-istorja iżda ma tkellmux dwarha. Gafa’ jgħid li hu qatt m’għamel domandi dwar affarijiet li m’għandux għalfejn jidħol fihom. Jason Azzopardi staqsa kif jekk ħabib tiegħu li seta’ jdaħħlu f’basla kien imsemmi f’dawn l-affarijiet, għalfejn ma staqsihx. Gafa’ jgħix li Camilleri qabel u Camilleri issa baqa’ l-istess għalkemm jidher affetwat psikoloġikament u allura ma riedx isaqsih fuqha u jkabbarlu l-ferita.

16:25 – Neville Gafa’ fuq mistoqsija ta’ Jason Azzopardi jgħid li Keith Schembri qallu li kien tilef il-mobile. Mistoqsi jekk jafx li Schembri kien id-dar ta’ Joseph Muscat il-lejl li fih bejn nofsilejl u l-5am intilef il-mobile, Gafa’ baqa’ jgħid li Schembri qallu li tilfu. Gafa’ jgħid li Schembri kien inkwetat li tilef il-mobile iżda ma qallux li għamel rapport għand il-pulizija. Jgħid li Schembri qallu li ma riedx jgħati l-passwords lill-pulizija.

16:22 – Neville Gafa’ jgħid li kien investigat għal sigħat twal fid-Depot tal-Pulizija.

16:19 – L-Avukat Jason Azzopardi għamel referenza għal artiklu fil-Malta Indipendent fejn Joseph Muscat kien ikkonferma li Gafa’ kien qed jirrapreżenta lil Gvern Malti f’taħdidiet mal-Gvern Libjan. Gafa’ qal li kien jieħu lil Kenneth Camilleri miegħu l-Libja minħabba sigurtà għax ma kienx imur Ibiza jew Barcelona.

16:16 – Jason Azzopardi staqsa dwar meta Gafa’ “ħabat” ma Kap tal-Milizia fil-Libja lura f’Diċembru tal-2018 fil-Libja. Gafa’ jgħid li kien hu li ħa d-deċiżjoni li jiltaqa’ ma persuna li fuqu hemm sanzjonijiet u ħadd ma qallu jagħmel hekk.

16:14 – Neville Gafa’ jgħid li meta kien qed jaħdem fil-Ministeru t’Għawdex kien jara n-nies mal-Ministru t’Għawdex Anton Refalo. Hu jgħid li qatt ma ħadem ma’ Justyne Caruana u m’għandu l-ebda relazzjoni mar-raġel tagħha.

16:10 – Fuq mistoqsija tal-Avukat Jason Azzopardi, fuq impjieg li kien ingħata mill-eks Ministru Konrad Mizzi, Neville Gafa’ qal li meta ma baqax Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi, hu kien talab li jmur jaħdem f’uffiċċju fil-Ministeru t’Għawdex. L-Avukati staqsew kif hu kien talab li jsir dan meta ftit qabel taħt l-istess ġurament qal li b’dispjaċir kien spiċċa jaħdem Għawdex. Gafa’ qal li Chris Fearne kien itterminalu l-kuntratt. Gafa’ jgħid li Chris Fearne kien jaf għalfejn hu kien jitla’ l-Libja.

16:07 – Gafa’ kien imur għal Schembri filgħodu, imorru mixja, joqgħodu jitkellmu, imorru d-dar jinħasslu u wara jmorru għax-xogħol. Gafa’ kien imur mixja ma’ Keith Schembri meta kien jarah imdejjaq biex ikun jista’ jiftaħ qalbu.

16:05 – Gafa’ jgħid li għalkemm kien jagħmel share u likes ta’ posts fuq The Truth Project, ma kienx jaf bih.

16:02 – Gafa’ qed jiġi mistoqsi dwar post ta’ The Truth Project li rreferiet għall-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia bħala Karnival. Din il-post kienet shared minn Gafa’ u hu qal li dak il-kliem hu ma qalux għax kien imsiefer u ma jaħsibx li l-funeral kien qisu karnival.

16:00 – Gafa’ jgħid li kien ra lil Caruana Galizia fi triq ir-Repubblika l-Belt Valletta iżda mhux hu ħa r-ritratt tagħha li hu ppublika dak iż-żmien. Gafa’ jgħid li hu qatt ma ġibed ritratti tal-ġurnalista.

15:55 – Gafa’ jgħid li missieru għadda minn stroke minħabba stejjer li Caruana Galizia kienet tikteb fuqu u li t-tfal tiegħu għamlu żmien ma jmorrux għax-xogħol minħabba stejjer li kienu jinkitbu fuq missierhom.

15:53 – L-avukat parte civile Therese Comodini Cachia qed issaqsi kif Gafa’ kien jippubblika ritratti ta’ Caruana Galizia. Hu qal li kien jirċievi dawn ir-ritratti mill-pubbliku. Mistoqsi għalfejn kien jirċievi dawn ir-ritratti meta hu mhux ġurnalist, Gafa’ qal li n-nies kienu raw li kien qed jippublika ritratti tagħha personali. Hu jgħid li la Caruana Galizia kienet tippublika ritratti tiegħu u ta’ oħrajn qrib tiegħu hu seta’ jagħmel l-istess.

15:52 – Mill-ġdid Gafa’ kien mistoqsi jekk qatt rax lil Yorgen Fenech għand Keith Schembri, d-dar tiegġu jew l-uffiċċju. Gafa’ jgħid le.

15:51 – Neville Gafa’ qed ikun mistoqsi x’jaf dwar 17 Black u hu jgħid li jaf biha biss mill-media. Gafa’ jgħid li qatt ma tkellem dwar 17 Black ma’ Keith Schembri anke jekk huma ħbieb kbar u jitkellmu kuljum filwaqt li joqgħodu ħames minuti bogħod minn xulxin u ħadmu fl-istess sular f’Kastilja.

15:50 – Il-Bord staqsa jekk xi ħadd iċċelebrax wara li sema’ bil-qtil ta’ Caruana Galizia iżda Gafa’ jgħid li kulħadd kien fuq xogħlu.

15:48 – Gafa’ qed ikun mistoqsi għalfejn kien jippublika ritratti ta’ Caruana Galizia. Hu jwieġeb li hi hekk kienet tagħmel lil sħabu, in-nies kienu jtuh ritratti tagħha u jtella’ għliex Caruana Galizia hekk kienet tagħmel.

14:47 – Il-Bord qed jistaqsi jekk kellux diskussjonijiet f’Kastilja wara li ġiet assassinata Caruana Galizia iżda Gafa’ jgħid li qatt ma kien fi briefings. kien ikun Kastilja 14-il siegħa kuljum. kien jaħdem f’boardroom u hemm biss.

14:45 – Gafa’ jgħid li Keith Schembri qatt ma rritalja fil-konfront ta’ Caruana Galizia għall-kontra tiegħu. Jgħid li Schembri kien inkwetat ħafna meta sar l-assassinju u jgħid li Joseph Muscat kien inkwetat ukoll. Gafa’ jgħid li jkellem lil Schembri kuljum.

15:44 – Gafa’ jgħid li kien l-iskola ma’ Joseph Muscat u ilu jafu madwar 25 sena. Jgħid li jaf ħafna nies iżda ma tantx għandu ħbieb. Gafa jgħid li hu ħbieb ukoll ma Schembri u miegħu mexxa għaxar kampanji elettorali.

15:43 – Gafa’ qed jiġi mistoqsi għalfejn kellu passaport diplomatiku. Hu wieġeb li dan kien sar minn Kastilja għaliex kien isiefer fuq xogħol il-Libja fejn miegħu kien jitla’ Kenneth Camilleri.

15:41 – Gafa’ jgħid li kien tkeċċa mill-Ministeru tas-Saħħa u mar jaħdem fil-Minister t’Għawdex qabel fetaħ uffiċċju f’Għawdex fejn kien jara ħafna nies fuq oqsma differenti.

15:39 – Gafa’ qed jiġi mistoqsi jekk kienx interrogat mill-Pulizija. Hu jgħid iva pero jgħid li m’hemm l-ebda kawża kriminali fil-konfront tiegħu. Gafa’ jgħid li m’hemm l-ebda proċedura fil-konfront tiegħu.

15:33 – Gafa’ jgħid li Daphne Caruana Galizia kienet bdiet tikteb fuqu u hu kien jirritalja. Gafa’ jgħid li r-ritratti ma kienx ħadhom hu iżda kien jiħodhom minn fuq portals oħra u jtella’ fuq il-Facebook tiegħu.

15:31 – Gafa’ mistoqsi mill-Bord dwar in-numru ta’ ritratti li hu kien itella’ ta’ Daphne Caruana Galizia u għalfejn kien jagħmel hekk hu qal li anke Caruana Galizia kienet itella’ ritratti tiegħu.

15:31 – Gafa’ jgħid li ma jafx lil Melvin Theuma.

15:30 – Gafa’ jgħid li joqgħod 5 minuti bogħod minn Keith Schemrbi għadhom sal-lum ħbieb kbar u filfatt għandhom l-istess tabib, it-tabib Adrian Vella li ismu ssemma’ kemm il-darba fl-investigazzjoni fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

15:29 – Gafa’ jgħid li qatt ma ra lil Yorgen Fenech f’Kastilja għaliex kien ikun impenjat ħafna u ħafna drabi kien ikun maqful f’boardroom fl-istess sular li fih kien hemm Schembri fejn f’ġurnata ġiela lanqas raħ lil Schembri.

15:28 – Gafa’ jirreferi għal Keith Schembri bħala ħabib. Ilhom ħbieb mill-2008.

15:27 – Gafa’ jgħid li f’Kastilja kull ministeru kellu kordinatur bħala Person of Trust imma hu kien jikkordina l-Ministeru tas-Saħħa.

15:24 – Gafa’ mistoqsi mill-Bord x’inhu xogħolu u jgħid li bħalissa jinsab mingħajr impjieg. Hu qal li kien Projects Director fil-Ministeru tas-Saħħa lura fl-2013 sal-2015 iżda wara ħadem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala Kordinatur ta’ Joseph Muscat bħala Person of Trust li kien jikkordina bejn il-Prim Ministru u l-Ministeri oħra. Joseph Muscat kien jgħaddilu l-emails li kien jirċievi mill-pubbliku.

15:23 – Tibda x-xhieda ta’ Neville Gafa’ eks uffiċjal f’Kastilja.

15:20 – Tintemm ix-xhieda ta’ Corinne Vella.

15:19 – Oħt Daphne Caruana Galizia qed tippreżenta numru kbir ta’ ritratti, fosthom memes u screenshots minn filmati. Corinne Vella qed tgħid li ma tistax tifhem għalfejn kien itella’ dawn ir-ritratti t’oħtha fuq il-media soċjali mingħajr ebda kummenti.

15:16 – Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia qed tixhed dwar Facebook profiles (tnejn) li għandu Neville Gafa’ kif ukoll Facebook page f’ismu. Oħt Caruana Galizia qed tgħid li ma tafx lil Caruana Galizia, ma tiffolowjahx fuq medja soċjali iżda hu jsegwi lilha fuq twitter. Vella qed tippreżenta diversi dokumenti ta’ posts ta’ Neville Gafa’ fosthom ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia.

15:15 – Tintemm ix-xhieda ta’ Nigel Vella.

15:13 – Il-Bord iwissi li se jkeċċi l-avukati mill-awla.

15:11 – L-Avukat Jason Azzopardi staqsa lil Nigel Vella jekk kienx jikteb f’xi blog partikolari anke minn meta sar ‘Person of Trust’. Jason Azzoprdi staqsa kif ‘Person of Trust’ imħallas minn flus il-poplu Malti kiteb l-opinjoni tiegħu fuq Portal tal-Partit Laburista. Jinqala’ ħafna storbju fl-awla u diversi tgħajjir.

15:07 – Vella jgħid li dak iż-żmien li Farrugia semma’; ta’ nies u negozzjanti fost oħrajn li kien ikun hemm fir-raba’ sular taċ-ĊNL – hu kien għadu jibda jaħdem hemm. Jgħid pero li f’dak is-sular kien hemm boardroom kbira, l-uffiċċju ta’ Keith Schembri u uffiċċini oħra ta’ nies li kienu qed jaħdmu fil-kampanja elettorali.

15:06 – Il-Bord qed jgħid li għandhom informazzjoni li kien jeżisti uffċċju fir-raba’ sular fiċ-Ċentru Laburista fil-Ħamrun. Mistoqsi dwar dan l-uffiċċju, Vella jgħid li dan is-sular stajt tidħol għalih biss b’code u hu kellu aċċess għal dan is-sular għaliex l-uffiċċju tiegħu kien f’dak is-sular.

15:02 – Nigel Vella qed jiġi mistoqsi dwar x’kien jagħmel meta jiġi msejjaħ mill-Prim Ministru. Vella jgħid li hu kien joħroġ fil-media dak li jgħidlu Joseph Muscat f’każijiet meta kien isejjaħlu fl-uffiċċju u għalekk kull stqarrija li ħarġet irriflettiet l-ħsibijiet tal-Prim Ministru.

14:58 – Nigel Vella qed jiġi mistoqsi x’relazzjoni kellu ma’ Keith Schembri u Vella qed jgħid li r-relazzjoni li kellu kienet li hu kien iċ-Chief of Staff tiegħu. Hawnekk saret referenza għal ritratt li fih Vella kien qed jerfa’ lil Schembri. Vella jgħid li kienu qed jiċċelebraw rebħa elettortali.

14:57 – Mistoqsi mill-avukat Comodini Cachia jekk kienx hemm stqarrija li ħarġet mill-gvern li fiha kien hemm referenza għal Daphne Caruana Galizia anke qabel l-assassinju, Vella jgħid li ma jiftakarx għax qabel l-2017 ma kien jaħdem Kastilja.

14:56 – Vella jgħid li hu mhux xi membru tal-armata li jkun hemm mal-bieb ta’ Kastilja u li jista’ jidentifika lin-nies li jaf u mhux lil dawk li ma jafx. Il-bord qed jgħid li jinsab imħasseb mill-kredibiltà fir-risposti ta’ Vella.

14:54 – Nigel Vella qed jgħid li ma kienetx responsabiltà tiegħu jara min kien preżenti fil-kamra jew le għax xogħolu komunikazzjoni u mhux sigurtà.

14:52 – Identifikat Ronnie Vella u ċertu Michael. L-avukati parte ċivile Jason Azzopardi u Theres Comodini Cachia jgħidu li dawn in-nies diġa ġew identifikati minn Carbone u Vella mhux jidentifika nies ġodda.

14:50 – Nigel Vella qed jgħid li ħafna minnhom jafhom minn wiċċhom u mistoqsi mill-Bord minn fejn jafhom. Vella jgħid li jiltaqa’ ma ħafna nies u li ġo Kastilja hemm 154 impjegat u ma jafx jekk in-nies li jaf minn wiċċhom jaħdmux Kastilja.

14:48 – Vella jgħid li fost oħrajn qed jgħaraf lil Joe Catania iżda mhux ċert fejn jaħdem eżatt. Hu semma’ wkoll lil Lionel Gerada li jaħdem l-MTA.

14:46 – Il-Bord wissa għal darba darbtejn lil Nigel Vella biex jibqax ikun arroganti għaliex hawnekk mhux qiegħed il-monti.

14:45 – Nigel Vella qed jiġi muri ritratti tal-persuni li dehru dakinhar li ssakkru l-ġurnalisti f’Kastilja. Vella qed jgħid li mhux biċċa xogħol tiegħu min kien hemm ġew u min le.

14:42 – Mistoqsi jekk kellux involviment meta sezzjonijiet tal-media ma kienux mistiedna għall-konferenzi stampi f’Kastilja. Muri mill-bord għal meta qed jirreferu, Vella jigħid li dak kien biss kumment tal-Prim Ministru Joseph Muscat u mhux konferenza stampa.

14:40 – Vella jgħid li hu inzerta kien barra l-bieb dak il-ħin għax kien qed jistenna l-Prim Ministru joħroġ iżda għalkemm kien moħħu fis-siġurtà ta’ Joseph Muscat, hu qal li xogħolu ma kienx mal-uffiċjali tas-sigurtà.

14:38 – Nigel Vella jgħid li hu kien moħħu fis-sigurtà tal-Prim Ministru u ma jridx iwieġeb jekk il-ġurnalisti kienux imsakkrin ġewwa u qed jibqa’ jgħid li ma jafx għax dik kienet il-proċedura.

14:36 – Id-Deputat Kap tal-Komunikazzjoni qed jiġi mistoqsi dwar meta l-ġurnalisti kienu msakkrin f’Kastilja għaliex hu deher f’filmat barra l-bieb x’ħin tħallew joħorġu l-ġurnalisti. Vella jgħid li l-ġurnalisti ma żżammewx maqfulin għaliex din kienet proċedura li ssir dejjem wara konferenza stampa. Vella jgħid li għalkemm kien hemm staff ta’ Kastilja f’dik il-kamra, hu ma jafx min huma.

14:35 – Vella kien imfakkar li qiegħed taħt ġurament u li jrid jgħid il-verita fejn hu wieġeb li ma jaf xejn aktar milli qed jgħid.

14:32 – Vella jgħid li ħareġ biss l-informazzjoni li s-superjuri tiegħu qalulu li kellha toħroġ. Mistoqsi għalfejn jitħallas f’Kastilja għaliex mhux juri għalfejn għandu l-kariga li għandu bit-tweġibiet tiegħu, Vella jerġa’ jgħid li dak hu x-xogħol tiegħu u li kellu jgħid diġa qalu.

14:30 – Nigel Vella jgħid li meta ħarġet l-aħbar tal-qtil ta’ Caruana Galizia hu kien “mibluħ”. Meta mistoqsi inbidilx xi ħaġa f’Kastilja wara li sar l-assassinju, Vella jgħid li seħħew diversi diskusjonijiet interni b’rabta ma’ dak li hu sejjaħ “avveniment”. Hu qal li l-assassinju ġab iktar talbiet fix-xogħol tiegħu tal-komunikazzjoni minn diversi sezzjonijiet tal-media.

14:28 – Mistoqsi dwar meta ħarġet l-istorja ta’ 17 Black, jekk iddiskutiex din l-istorja mas-superjuri tiegħu speċifikament ma’ Keith Schembri. Vella jgħid li qatt ma ddiskuta ma’ Schembri affarijiet dwar 17 Black, Yorgen Fenech jew l-assassinju. Vella jgħid li dwar 17 Black ma Kurt Farrugia, Neville Gafa, Joseph Muscat u Keith Schmebri qatt ma ddiskuta xejn.

14:24 – Mistoqsi dwar it-truth project, Vella qal li ma jidhirlux li qatt sema’ bih anke x’ħin qalulu li jeżistu shares li għamel hu mill-posts ta’ truth project.

14:19 – Nigel Vella jgħid taħt ġurament li lil Yorgen Fenech qatt ma rah f’Kastilja, qatt ma kien jafu qabel u sar jafu biss mill-media fl-aħħar xhur. Vella qal li kien jaħdem sular fuq is-sular li fih kien jaħdem Keith Schembri.

14:17 – Mistoqsi dwar jekk kienx involut f’xi statements li ħarġu minn Kastilja marbuta mal-assassinju ta’ Caruana Galizia. Vella jgħid li hu kien jagħmel dak li jgħidulu ta’ fuqu u ma kien ħadem fuq l-ebda kontenut. Dakinhar tal-assassinju kienet issejħet konferenza stampa.

14:15 – Jibda jixhed Nigel Vella – Deputat Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Vella ilu jakkupa din il-kariga mill-2019 – minn meta Kurt Farrugia waqaf jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Kien hawnekk li Matthew Carbone, illum Kap tal-Komunikazzjoni ħa miegħu lil Vella. Qabel karigi f’Kastilja, Vella kien jaħdem fl-uffiċċju komunikazzjoni tal-Partit Laburista fejn anke mexxa dan l-uffiċċju.

Fl-aħħar smigħ ta’ din l-inkjesta xehed fost oħrajn Matthew Carbone li kien jifforma parti mill-istaff fl-uffiċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat u bħalissa jatwa l-pożizzjoni ta’ Kap tal-Kumunikazzjoni ta’ Robert Abela. L-aktar mument kontroversjali waqt ix-xhieda tiegħu kien il-mument illi Carbone rreżista milli jsemmi l-ismijiet tal-individwi li kienu sakkru numru ta’ ġurnalisti f’Kastilja fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu lura f’Diċembru.

Oħt Daphne Caruana Galizia, Corinne Vella kienet preżentat numru ta’ dokumenti fejn fihom wieħed seta’ jara attakki fuq il-ġurnalista b’mod assidwu u kontinwu. Dan filwaqt li preżentat ritratt ta’ Daphne Caruana Galizia li Neville Gafà tella’ fuq il-media soċjali jum biss qabel ma ġiet assassinata fejn irreferiet għalih bħala ‘stalking’.