Lokali

Tkompli l-kaċċa għal min kixef: Pulizija jisfa’ mhedded mill-kollegi

Uffiċjal tal-Pulizija li kien jaħdem fis-sezzjoni tat-Traffiku għamel rapport formali li kien qed jiġi mhedded hekk kif qed tkompli t-tfittxija għal min seta’ kixef ir-racket li kien għaddej f’din is-sezzjoni u sezzjonijiet oħra tal-Korp.

Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li dan l-uffiċjal partikolari kien ħalla s-sezzjoni tat-traffiku wara nuqqas ta’ qbil mas-surġent; l-istess surġent li hu suspettat li kien qed jikkoordina l-abbuż fl-overtime ta’ eluf ta’ ewro għal sahra li qatt ma saret.

Minn meta ħarġu dawn l-istejjer, dan l-uffiċjal safa’ ibbumbardjat minn messaġġi ta’ theddid u tgħajjir għax qed ikun suspettat li hu kien il-whistleblower li kixef l-abbużi.

It-tgħajjir u t-theddid issa laħqu livelli li l-pulizija kellu jagħmel rapport uffiċjali li qed jingħata fastidju fuq il-post tax-xogħol.

Is-sighat li gejjin mistennija jkunu krucjali sabiex l-investigaturi jaghmlu l-pass li jmiss b’rabta mal-iskandlu li inkixef fil-Korp tal-Pulizija

Dan l-istazzjon jista’ jikkonferma illi l-40 pulizija li allegatament wettqu dawn l-abbużi kellhom suppost jigu infurmati jekk hux se jkollhom il-police bail imġedded, jekk hux se jitressqu l-Qorti jew jekk hux se jiġu rilaxxati. L-ewwel police bail fil-fatt skadiet it-Tlieta.

Skont l-aħħar dettalji dwar l-investigazzjoni, kien hemm uħud li abbużaw mis-sistema għal żmien qasir filwaqt li oħrajn ilhom għaddejjin is-snin.