Lokali Qorti

Żewġ bouncers u barman akkużati li sawwtu Afrikan u ħebbew għal ieħor

Żewġ bouncers u barman ta’ stabbiliment f’San Pawl il-Baħar ġew akkużati fil-Qorti tal-Maġistrati li nhar il-Ħadd li għadda sawwtu Afrikan, u ħebbew għal raġel ieħor, ukoll ta’ nazzjonalità Afrikana. Dawn spiċċaw marru fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra, b’wieħed minnhom kollu dmija, u l-ieħor mitluf minn sensih bix-xebgħa li qala

Yermakov Mykhailo, Ukren ta’ 29 sena, Stepan Stankov ta’ 31sena mill-Bulgarija u Dorde Dudic, Serb ta’ 24 sena, kollha residenti San Pawl il-Baħar wieġbu mhux ħatja li kkawżaw feriti gravi fil-konfront ta’ wieħed mill-Afrikani, li heddew lit-tnejn li huma u li aggredewhom.

Mykhailo u Stankov, kienu mixlijin ukoll li ħadmu bħala membri tas-sigurtà mingħajr ma kellhom liċenzja. Dudic, jaħdem bħala barman ma’ klabb fl-istess triq fejn inqalgħet il-kommossjoni, fi Triq il-Kavetta.

L-Ispettur Clayton Camilleri, li ressaq lil irġiel spjega lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kif allegatament l-akkużati attakkaw raġel, barra Babylon Club, u ħallew ferut gravament.

Qal li kmieni filgħodu l-Pulizija rċeviet telefonata fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn xi ħadd irrapporta li kienet seħħet ġlieda. Qal li ġara kien li żewġ Afrikani, mimlija demm marru l-Għassa, bil-Pulizija tmur mill-ewwel fil-post tal-inċident.

Saret sejħa għal ambullanza li marret fuq il-post peress li l-Afrikan li kien ferut intilef minn sensih u l-qagħda tiegħu ma kinitx waħda tajba. Iż-żewġ Afrikani ttieħdu l-isptar Mater Dei fejn wieħed minnhom ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor minn ġrieħi ħfief.

Filmari mis-CCTV fejn ix-xena tal-aggressjoni wasslu biex il-Pulizija jarrestaw lill-akkużati. Mykhailo, Stankov and Dudic kienu mixlijin ukoll b’theddid u li nsulentaw liż-żewġ Afrikani. L-Ispettur Camilleri talab lill-Qorti wkoll biex tipprovdi sigurtà għall-vittma sakemm ikomplu l-proċeduri.

Huma għamlu talba għal libertà proviżorja li ġiet milqugħa fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €5,200 kull wieħed. Dudic, li qal li ma jaħdimx ġie ordnat ukoll li jirtira d-dar fl-10.00pm u ma joħroġ qabel is-7.00am. L-Avukat Johann Debono assista lil Mykhailo u Stankov, filwaqt li l-Prokturatur Legali Quentin Tanti deher Dudic.