Mietu tal-anqas żewġ persuni wara li ferrovija express li kienet qed tivvjaġġa minn Sydney għal Melbourne sigħat ilu qabżet il-linji qrib il-belt ta’ Wallan, fl-Istat ta’ Victoria. L-awtoritajiet ma eskludewx li n-numru tal-vittmi jiżdiedu aktar ma jgħaddu s-sigħat.
Numru sostanzjali ta’ passiġġieri spiċċaw ittrattati għall-ġrieħi – b’raġel jitwassal l-isptar, f’Melbourne, b’sistema ta’ airlift. In-nies li ttieħdu l-isptar għal trattament kienu kollha mfissra ‘b’kundizzjoni stabbli’.
L-inċident wassal biex numru ta’ vaguni joħorġu mill-banarji u b’wieħed minnhom jispiċċa maqlub fuq ġenb. Mhux ċar, intant, x’wassal għal dan ir-riżultat traġiku.
Kelliema għall-paramediċi fuq il-post qalu li kienu qed jevalwaw il-kundizzjoni ta’ ħafna fost il-passiġġieri li ma dehrux li ġarrbu feriti gravi.
Dan waqt li fuq il-post waslu numru ta’ ħelikopters u ambulanzi biex jagħtu appoġġ lis-servizzi għall-emerġenzi. Tħassru s-servizzi kollha tar-rotta affettwata waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni.
//= $special ?>