Kultura Lokali

BIR-RITRATTI: Spettaklu artistiku għall-Karnival

Kollox jibda’ minn ħolma. Ħolma li ssir taħżiża. Taħżiża li wara ħafna sigħat ta’ xogħol, tissarraf f’karru kkulurit li fil-jiem ta’ Frar isebbaħ it-toroq tal-Belt u jferraħ l-eluf ta’ kbar u żgħar li jarawh.

Ta’ kull sena, fil-Karnival, fit-toroq tal-Belt naraw karrijiet differenti, kreazzjonijiet artistiċi li jsaħħruk – kreazzjonijiet li jwasslu messaġġ – sottili jew inqas sottili – lil min jarahom.

Din is-sena mhix eċċezzjoni, u fost it-23 karru, wieħed se jkun jista jammira karrijiet ta’ satira politika dwar il-President Amerikan Donald Trump, karrijiet marbuta ma’ pajjiżi differenti, u karru bit-tema tal-ħarsien tal-ambjent – tema kurrenti f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia żar id-diversi kumpaniji u dar mal-karrijiet tagħhom, fejn ammira x-xogħol artistiku li tħejja, kif ukoll tkellem mad-dilettanti li jaħdmu dan ix-xogħol dwar l-isfidi li għandhom.

Adrian Delia qal li ilna s-snin nisimgħu dwar il-bżonn li dawn il-kumpaniji jkollhom il-faċilitajiet adegwati biex ikunu jistgħu jaħdmu l-karrijiet fil-kumidità u fi spażju addattat u li jeħtieġ li anke l-Oppożizzjoni għandha tagħmel il-proposti tagħha dwar dan.

Wara l-kontroversja li nqalgħet din is-sena madwar il-karru tal-Arċisqof, id-Direttur tal-Karnival Jason Busuttil qalilna li l-kumpaniji tal-Karnival se jkun qed isirilhom kors sabiex jirfinaw l-abbiltajiet tagħhom fl-interpretazzjoni tas-satira.

Parti importanti mill-karnival huwa ż-żfin, u din is-sena se jkunu qed jikkompetu 22 kumpanija.

Għall-ewwel darba minn kemm ilhom isiru l-kompetizzjonijiet, din is-sena l-kumpaniji kollha se jkunu qed jingħaqdu wkoll f’żifna waħda kontemporanjament – ilkoll biż-żifna tagħhom, iżda mal-istess mużika.

L-ispejjeż involuti fil-karnival huma ħafna, u dilettanti qalulna li karru tal-karnival jista’ jiswa sa’ €50,000, u kumpanija taż-żfin tonfoq medja ta’ €70,000 f’sena, bil-kostumi jkunu parti kbira mill-ispiża.

Ħafna spejjeż li iżda jipprovdu spettaklu mill-isbaħ li jpaxxi lill-ħafna eluf ta’ Maltin u turisti li jkunu qed iżuruna f’dawn il-jiem.