Lokali Saħħa

Diżastru sħiħ fl-Isptar San Luqa mmexxi minn Steward Healthcare

Dan huwa l-Isptar San Luqa – mill-miljuni li ngħataw Steward Healthcare, lanqas nefqu ċenteżmu. Soqfa neżlin. Airconditions ma jaħdmux. Ħġieġ imkisser. Ħmieġ. Żdingar totali.

Mill-filmati u r-ritratti li għaddew diversi persuni lil Net News, huwa evidenti li la l-Vitals u lanqas Steward, f’din il-binja ma għamlu assolutament xejn, b’diversi żoni imbarrati u mhux aċċessibbli.

Fil-Parlament f’dawn il-jiem kien għaddej dibattitu dwar il-qasam tas-saħħa illi kixef id-diżastru li hemm bħalissa fl-isptarijiet. U inċidentalment, l-għada ta’dan id-dibattitu, Steward Healthcare preżentaw l-ewwel pjanti u impressjonijiet artistiċi ta’ dak li suppost se jkun l-Isptar San Luqa rinnovat, wegħda li ilha fuq l-ixkaffa għal kważi 6 snin. Sal-lum, fil-fatt, f’San Luqa għadu ma sar assolutament xejn u kollox tħalla mitluq. Dan minkejja l-miljuni li Steward qed jingħataw kull sena, mit-taxxi tal-Maltin.

Fi stqarrija intqal li Steward għamlu applikazzjoni għall-iżvilupp quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex isir dan il-proġett; iżda ma ngħatawx dati ta’ kif se tkun qed taħdem il-kumpanija sabiex tiżgura li ma jkunx hemm tkaxkir tas-saqajn.

Steward qalu li dwar il-kampus tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex sar “progress”, iżda anke hawn ma ingħataw ebda dettalji. Effettivament, dan il-proġett ukoll għadu ħolma fuq il-karta b’detriment għal mijjiet ta’ Għawdxin.

Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur jinsisti li Steward qed jitolbu l-miljuni meta ma wettqux l-obbligi tagħhom ta’ modernizzar u investiment fl-isptarijiet. Il-pressjoni qed issir direttament fuq il-Prim Ministru Robert Abela, bis-sehem ta’ Joseph Muscat illi ħa lin-nies ta’Steward għal-laqgħa sigrieta f’Kastilja.

Kuntrarju għal dawn il-manuvri kollha, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia dejjem tkellem dwar punt ċar ħafna fejn għadu jinsisti li l-isptarijiet jirritornaw għand in-nies, tant illi anke fetaħ kawża l-Qorti.