Lokali

“Irridu li kulħadd igawdi minn Korp tal-Pulizija tal-ogħla rispett”

Ritratt: Martin Agius
Mhux aċċettabbli li l-Korp tal-Pulizija jiġi mtappan bi skandli

“Mhuwiex aċċettabbli li l-Korp tal-Pulizija jiġi mtappan bi skandli u għalhekk huwa importanti li toħroġ il-verità dwar il-każijiet irrappurtati fil-midja. Dan meta l-maġġoranza tal-membri fil-Korp jaqdu dmirijiethom u huma fundamentali fil-ġlieda kontra l-kriminalità.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta ltaqa’ ma’ rappreżentanti mill-Malta Police Association (MPA) f’laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Dr Delia qal li bħalissa fil-Parlament qed jiġu diskussi temi relatati mal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa qal li f’dan il-mument ta’ kriżi għall-Korp tal-Pulizija, l-Gvern għandu jaċċetta l-proposta li saret mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fejn il-Kummissarju l-ġdid ikun igawdi l-fiduċja. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi sistema fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jkun approvat b’vot taż-żewġ terzi tal-Kamra. Adrian Delia qal li fid-dawl ta’ dak li qed jiġri fil-Korp, l-Oppożizzjoni se tressaq il-proposti konkreti biex naraw li kulħadd igawdi minn Korp tal-Pulizija tal-ogħla rispett.

Matul din il-laqgħa ntqal li n-numru ta’ dawk allegatament involuti fl-iskandlu li ħeżżeż il-Korp huwa żgħir meta mqabbel mal-ammont ta’ pulizija onesti. Għaldaqstant huwa reat gravi li membri tal-Pulizija jkunu nvoluti fi skandli jew korruzzjoni. Matul il-laqgħa ġew diskussi fost l-oħrajn metodi effettivi għal ħidma aħjar tal-Korp bi strutturi attraenti u adattati għaż-żminijiet tal-lum kif ukoll mekkaniżmi biex jinżammu n-nies ta’ esperjenza milli jitilqu wara li jkunu għamlu s-servizz.

Għal din il-laqgħa, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami u l-Minority Leader f’San Pawl il-Baħar u kandidata għall-elezzjoni ġenerali Graziella Galea. Għall-MPA kienu preżenti l-Assistent Segretarju Ġenerali Kevin Curmi u s-Segretarju Eżekuttiv Johann Mifsud.