Lokali

Keith Schembri ordnat biex jixhed fis-seduta li jmiss

Il-Qorti ordnat biex fis-seduta li jmiss, jixhdu l-eks Chief of Staff Keith Schembri, Kenneth Camilleri, eks Uffiċjal tas-Servizz Sigriet u eks Ufficjal tas-Sigurta’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u Johann Cremona.

Dawn tal-aħħar issemmew minn Melvin Theuma bħala n-nies li ntbagħtu għandu minn Keith Schembri biex jinfurmawh li t-tliet suspettati bl-assassinju ta’ Caruana Galizia kienu se jirċievu l-bail kif ukoll miljun ewro kull wieħed.

Dan fi tmiem seduta li matulha saret it-tieni talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech, li ġiet rifjutata mill-ġdid.

Meta kienu qed jitolbu għall-bail, l-avukat ta’ Yorgen Fenech

Gianluca Caruana Curran iddikjara li kellna Prim Ministru u chief of staff tiegħu li rriżenjaw minħaba dan il-każ, imma għadhom jiġru barra, waqt li l-klijent tiegħu għadu maqful.

Akkuża wkoll lil Melvin Theuma li mhux jgħid il-verità, minkejja li ngħata l-maħfra presidenzjali hekk kif qal li r-recordings li ħa hu stess juru li qed jigdeb.

Melvin Theuma jemmen li hemm erbgħa persuni oħra involuti fl-assassinju

Skont il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, hemm iktar persuni li huma involuti f’dan il-każ.

Waqt li kienu qed jinstemgħu recordings ta’ diskorsi bejnu u Yorgen Fenech, Theuma jinstema’ jgħid li fl-opinjoni tiegħu hemm erba’ persuni oħra involuti.

Mistoqsi mill-avukat Jason Azzopardi biex jgħid min huma l-erba’ l-oħra li jagħmel riferenza għalihom, minbarra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, Theuma ddikjara li ma jafx. “Inħoss li hemm iktar persuni nvoluti.”

“Chris Cardona jista’ jgħinhom, jaf lill-Imħallfin kollha” – Melvin Theuma

Il-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, iddikjara li jekk kien hemm xi ħadd li seta’ jgħin lill-aħwa Degiorgio biex jiksbu l-bail, dan kien l-eks Ministru Chris Cardona.

“Chris Cardona jista’ jgħinhom, jaf lill-Imħallfin kollha,” kien iddikjara Melvin Theuma f’diskursata ma’ Yorgen Fenech, u li xxandret illum fil-Qorti.

Dan hekk kif Melvin Theuma f’dak il-perjodu kien inkwetat li l-akkużati kienu se jibdew jitkellmu mal-Pulizija u jikxfu kollox.

“Cardona midħla magħhom aktar mix-xiħ. L-ieħor ma kienx fil-qorti,” kien qal Theuma, b’riferenza għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Saħansitra sar magħruf li l-akkużati kienu bagħtu t-talba tagħhom lil Chris Cardona, li madankollu injorahom. Fl-aħħar jiem fil-Qorti ħareġ ukoll li f’mobile mormi l-baħar qrib it-tinda tal-patata, instab biss in-numru ta’ Chris Cardona.

“Int ħaġa waħda miegħu” – Theuma dwar il-ħbiberija bejn Yorgen Fenech u Joseph Muscat

“Int ħaġa waħda miegħu.”

Hu b’dan il-mod li l-middleman fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien jindirizza lil Yorgen Fenech meta kienu jitkellmu dwar l-eks Prim Ministr Joseph Muscat.

Dan ħareġ fil-Qorti meta Melvin Theuma, taħt ġurament, kompla jispjega r-recordings li kien ħa bil-moħbi waqt id-diskussjonijiet bejnu u Yorgen Fenech.

F’wieħed mir-recordings, Theuma jgħid lil Yorgen Fenech li kellu jipporva jikseb il-bail għall-allegati assassinji billi jkellem lil Joseph Muscat, ladarba kienu ħaġa waħda.

Mistoqsi fil-Qorti dwar jekk kienx qed jistenna li Yorgen Fenech isolvi l-kwistjoni billi jmur għand Joseph Muscat, Melvin Theuma qal li fil-pożizzjoni li kellu, Yorgen Fenech kien jaf ħafna nies.

Hu fatt magħruf li Yorgen Fenech u l-eks Prim Ministru kienu ħbieb kbar. Tant hu hekk li Muscat poġġa lil Yorgen Fenech f’lista esklussiva ta’ ftit nies mistiedna għar-riċeviment ta’ għeluq sninu fil-Girgenti.

Bħala rigal, Fenech tah inbid li jiswa’ l-eluf apparti li f’okkażjoni oħra tah ukoll arloġġ b’valur ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro.