Internazzjonali

Korea t’Isfel: Setta reliġjuża konfermata bħala ‘sors tal-coronavirus’

Grupp reliġjuż fil-Korea t’Isfel kien identifikat bħala ‘ċentru għall-iżvilupp’ tal-coronavirus ġdid li qatel l-eluf fiċ-Ċina filwaqt li ħalla għexieren ta’ eluf tal-infettati madwar id-dinja. Ir-rapporti minn dan il-pajjiż anki rreferew għal ‘żieda qawwija fl-infezzjonijiet fuq bażi lokali’.

L-indikazzjonijiet huma li l-infezzjonijiet bil-coronavirus fost il-membri tas-setta bl-isem Tempju tat-Tabernaklu tal-Xhud, fil-belt ta’ Daegu, huma dovuti għal mara li testjat pożittiv għall-virus fil-bidu tal-ġimgħa.  Iċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard fil-Korea t’Isfel qal li din il-mara, li ma kenitx identifikata, kellha kuntatti ma’ aktar minn 160 persuna li, intant, ġew mitluba biex ‘jingħalqu fi kwarantina’.

Tletin minn fost il-53 infezzjonijiet ġodda bil-coronavirus (Covid-19) huma membri tas-setta, bl-uffiċjali Koreani qegħdin iwissu dwar kriżi bla preċedent fil-pajjiż.

Il-Korea t‘Isfel anki kkonfermat l-ewwel mewta, f’artha, mill-coronavirus li oriġinat fil-provinċja Ċiniża ta’ Hubei. Dan meta ċ-Ċina rreġistrat mal-2,118-il mejtin mill-effetti tal-Covid-19 flimkien ma’ xi 75,000 każ ta’ infezzjoni.

Fl-aħħar sigħat, ingħalqet il-fergħa tas-setta f’Daegu, bis-sindku tal-belt iħeġġeġ lir-residenti biex ma joħorġux mid-dar. Il-kmandanti ta’ bażi militari tal-Istati Uniti qrib  Daegu  imponew ir-restrizzjonijiet għall-aċċess lejn il-bażi b’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi.

Fl-aħħar sigħat, il-Ġappun qal li mietu tnejn mill-passiġġieri li spiċċaw infettati bil-coronavirus meta kienu fuq il-vapur tal-cruises, Diamond Princess. Il-vapur qed jinżamm fi kwarantina tal-port ta’ Yokohama, biż-żewġ vittmi speċifiċi jkollhom ftit aktar minn 80 sena.