Internazzjonali

L-aħħar dibattitu f’Nevada: Bloomberg taħt attakk sistematiku mid-Demokratiċi rivali

Il-kandidati li qed jittamaw li jiksbu n-nomina tal-Partit Demokratiku biex, f’Novembru, jikkuntestaw għall-Presidenza tal-Istati Uniti iltaqgħu għal dibattitu ieħor – din id-darba f’Las Vegas, fl-Istat ta’ Nevada. Id-dibattitu, bħalma mistenni, kien wieħed jaħraq u movimentat, bl-eks Sindku ta’ New York, Michael Bloomberg, jispiċċa mira għall-attakki tal-kandidati rivali li kkonċentraw fuqu b’mod speċifiku.

In-numru ta’ kandidati Demokratiċi ilu jonqos għal xhur iżda l-avveniment f’Nevada ( matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis) spikka bil-preżenza ta’ Bloomberg bħala ‘wiċċ ġdid’ għal dawn id-dibattiti. Fil-fatt, għall-ewwel darba mindu  kkonferma l-kampanja għall-Presidenza, din kienet l-ewwel darba li Bloomberg kellu jiffaċċja lir-rivali wiċċ-imb-wiċċ – u bit-tensjoni bejniethom ma tonqosx tul sagħtejn ta’ battibekki ħorox.

Il-kandidati mill-bidunett ma tilfux okkażjoni waħda biex jagħmlu l-ħajja skomda għal Bloomberg.

Bernie Sanders, is-Senatur min Vermont u favorit li jikseb in-nomina tad-Demokratiċi, ikkundanna lil Bloomberg għall-policies li kien daħħal għall-pulizija fi New York u li kienu kritikati bl-aħrax mill-attivisti tad-drittijiet ċivili.

Kandidata oħra – Elizabeth Warren – irreferiet għall-kummenti dispreġjattivi li huma rappurtati li saru mill-istess Bloomberg filwaqt li fissritu bħala ‘bniedem arroganti’.

Amy Klobuchar akkużat lil Bloomberg ‘b’li qed jistaħba wara r-reklami fuq it-televiżjoni’ u l-eks Viċi-President Amerikan, Joe Biden, enfasizza li Bloomberg kien ikkritika r-riforma tas-saħħa għall-Amerikani li introduċa l-eks President Amerikan, Barack Obama.

Pete Buttigieg, il-kandidat ta’ nisel Malti u l-eks Sindku ta’ South Bend, imbagħad attakka kemm lil Bloomberg u anki lil Sanders u wissa li ‘huma għandhom ikunu xempji tal-polarizzazzjoni f’każ li jkunu konfermati bħala l-aħħar żewġ kandidati fir-rawnds ta’ votazzjoni sussegwenti’.

Spikka intant battibekk jaħraq bejn Buttigieg, l-eks Sindku ta’ South Bend u l-kandidata Amy Klobuchar li qalet li Buttigieg kien prova jpingiha bħala bniedma stupida.

Min-naħa tiegħu, Bloomberg – li kien ilu għaxar snin ma jipparteċipa fi kwalunkwe dibattitu politiku fuq dan il-lvell – naqas milli jikkonvinċi. Dan waqt li hu talab skuża għall-policies li kien implimenta għall-pulizija (bħala Sindku ta’ New York) u sostna li ‘ma kienx jaf kemm dawn il-policies kienu ta’ ħsara għall-komunità tas-suwed’.

Id-dibattitu li jmiss għad-Demokratiċi għandu jsir lejn l-aħħar tax-xahar f’Charleston, fl-Istat ta’ South Carolina.