Lokali

L-Ocean Viking jitlob li 274 immigrant jiddaħħlu f’Malta – 91 oħra maħsuba li għerqu

Ritratt: Arkivji

L-għaqdiet mhux governattivi SOS Mediterranee u Médecins sans Frontières talbu lil Malta biex taċċetta 274 immigrant li jinsabu abbord il-bastiment Ocean Viking.

Minn dawn, 22 huma nisa waqt li hemm ukoll 64 tifel u tifla, fil-maġġoranza tagħhom mhux akkumpanjati mill-ġenituri. Dawn ġew salvati fi tliet ħidmiet separati bejn it-18 u d-19 ta’ dan ix-xahar.

Waqt li jidher li talba simili saret lill-Italja, fuq bastiment ieħor, is-Sea Watch 3, hemm ukoll 121 persuna fosthom 19-il mara u tmint itfal. Dawn ukoll talbu biex Malta jew l-Italja jħalluhom jidħlu f’xi port.

Sadattant il-Forzi Armati ta’ Malta avżaw lill-għaqda mhux governattiva Alarm Phone li ajruplan tas-sorveljanza ta’ Frontex innota dinghy abbandunat fil-baħar.

Hu maħsub li dan kien użat minn grupp ta’ 91 immigrant li fid-9 ta’ Frar ikkuntattjaw lil Alarm Phone jitolbuhom l-għajnuna wara li l-magna waqfet u d-dinghy kien qed jagħmel l-ilma. Dan apparti li kien hemm xi nies li diġa’ waqgħu fil-baħar.

Wara din it-talba għall-informazzjoni, l-għaqdiet mhux governattivi li joperaw fil-Mediterran tilfu kull kuntatt mal-persuni abbord. Issa hu maħsub li dawn għerqu kollha.