Lokali

“Magħqudin għall-ġustizzja u l-verità” – Francis Zammit Dimech

Il-PN qieghed jistieden lis-Soċjetà Ċivili u lill-għaqdiet kollha f’pajjizna biex jaqblu fuq prinċipji fundamentali. Dan sabiex il-PN ikompli jkun it-tarka tal-Verità u l-Ġustizzja, kif ukoll il-Vuċi tan-Nies.

Is-Segretarju Generali Francis Zammit Dimech għamel appell ġenwin u mqanqal lis-Soċjetà Ċivili, lil Repubblika u lill-għaqdiet l-oħrajn kollha li għandhom tassew għal qalbhom il-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi, biex jilħqu ftehim bejniethom u lkoll ikunu t-tarka tal-Verità, tal-Ġustizzja, u tal-Governanza Tajba.

Zammit Dimech għamel dan l-appell fil-programm ‘Sorsi Infurmati’ li fih tkellem fid-dettall dwar il-ħidma li hu se jkun qed jagħmel biex jerġa’ jgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista u jkabbru biex ikun moviment akbar ta’ ideat li fih ikun hemm post għal kulmin hu favur il-Verità u l-Ġustizzja.

Hu qal li l-bibien tad-Dar Ċentrali huma miftuħa għal dawk kollha ta’ rieda tajba, inkluż laburisti li huma mxebba’ bil-korruzzjoni u bil-mod ta’ kif qed jitmexxa dan il-Gvern.

Fil-programm ‘Sorsi Infurmati’ tkellem fid-dettall ukoll l-eks Segretarju Ġenerali Clyde Puli li enfasizza li l-isfidi li għandu quddiemu l-Partit Nazzjonalista huma kollha sfidi li bl-għaqda jistgħu jinegħlbu.

L-akbar żewġ sfidi huma dawk tal-għaqda u l-finanzi, iżda kemm-il darba jkun hemm rieda ġenwina minn kulħadd, allura dawn id-diffikultajiet jingħelbu u mill-isfidi jinbidlu f’opportunitajiet kbar kemm għall-istess Partit Nazzjonalista u anki għal pajjiżna.

Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli enfasizza wkoll il-punt li hemm ħafna pedamenti b’saħħithom li fuqhom il-Partit Nazzjonalista jista’ jkompli jibni u jimxi ‘l quddiem iżda dan kollu jista’ jseħħ jekk kulħadd jifhem li l-politika qegħda hemm biex dak li jkun iservi ħalli pajjiżna jimxi ‘l quddiem u l-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.