Internazzjonali

Renju Unit: Arrestat wara li aggredixxa lil raġel b’sikkina ġo moskea f’Londra

Raġel f’Londra spiċċa arrestat fuq suspett ta’ attentat ta’ qtil wara inċident li fih raġel ieħor sofra daqqiet ta’ sikkina waqt li kien ġo moskea fiċ-ċentru tal-kapitali.

Il-vittma, li għandu aktar minn 70 sena, instab mis-servizzi għall-emerġenza li wieġbu għall-allert fil-London Central Mosque li jinsab f’Park Road, viċin ta’ Regent’s Park. Ir-raġel ferut ittieħed lejn l-isptar fejn it-tobba ddikjaraw li hu ma jinsabx f’periklu tal-mewt.

Intant, l-awtoritajiet qed jinvestigaw l-inċident taħt iċ-ċirkustanzi ta’ crime scene.

Fl-istess ħin bdew jiċċirkolaw ir-ritratti li ttieħdu ġol-moskea u fejn il-pulizija jidhru qed irażżnu raġel li x’aktarx kien l-aggressur f’din is-sitwazzjoni. Ingħad ukoll li l-attakk ġol-moskea seħħ waqt li l-Musulmani kienu għaddejjin bit-tħejjijiet ‘ta’ rutina’ għal sessjoni ta’ talb.