Lokali

Tiftaħ investigazzjoni ġdida … issa dwar il-Korp tal-Pulizija kollu

Id-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet fetaħ investigazzjoni ġdida li qed tħares lejn l-operat kollu tal-Korp tal-Pulizija.

Din l-investigazzjoni hi separata mill-investigazzjonijiet interni li għaddejjin minn diversi sezzjonijiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Madankollu, fid-dawl ta’ din l-aħbar, l-għaqda mhux governattiva Repubblika ddikjarat li din hi miżura ta’ nofs kedda li tiknes il-problemi taħt it-tapit u twassal biss biex jeħel iż-żgħir.

Repubblika, li jumejn ilu talbet għal investigazzjoni, iddikjarat li inkjesta pubblika u indipendenti biss tista’ tistabilixxi jekk teżistix kultura ta’ abbuż, korruzzjoni, estorsjoni u impunità fil-Korp tal-Pulizija.

Dan waqt li saħqet li huwa ċar li l-abbuż mill-overtime huwa biss sintomu ta’ problemi ferm akbar, imma donnu li l-Gvern jibża’ li toħroġ il-verità. “Nistaqsu: lil min irid jipproteġi l-Gvern?” tgħid l-istqarrija ta’ Repubblika, li tenniet l-appell biex din l-investigazzjoni issir mill-aktar fis sabiex fl-aħħar naraw bidu ta’verità u ġustizzja.

S’issa l-investigazzjoni interna wasslet għas-sospensjoni ta’ 25 uffiċjali, 7 li rriżenjaw u 31 uffiċjal ieħor li ġew arrestati u issa jinsabu barra fuq police bail.

S’issa għadu ma tressaq ħadd quddiem il-Qorti.