Fost l-intervisti li l-APAN qiegħda torganizza ma’ persuni minn oqsma differenti tal-ħajja, nhar il-Ħamis 27 ta’ Frar li ġej imiss fl-10am fid-Dar Ċentrali imiss li jiġi intervistat Richard Muscat.
B’ħidma attiva sal-lum fil-Partit Nazzjonalista li fiha saħansitra okkupa bosta karigi fl-istrutturi tal-Partit, Richard Muscat kien ħadem fix-xandir minn Sqallija biex iwassal l-vuċi tal-Partit Nazzjonalista fis-snin tmenin, snin meta l-libertà, id-demokrazija u d-dritt tal-espressjoni kienu mhedda.
Dawn s-sensiela ta’ intervisti organizzati għandhom l-għan li filwaqt li jaqsmu mal-pubbliku esperjenzi dwar il-ħajja u l-politika, iservu ta’ mezz biex isaħħu l-vuċi tal-anzjani u l-irwol tagħhom mhux biss fil-Partit Nazzjonalista iżda anki fis-soċjetà Maltija.
F’kumment lil Net News, il-Viċi President tal-APAN, Nazju Abela, qal li dawn l-inizjattivi mhux biss isaħħu l-vuċi tal-anzjani fil-Partit, iżda huma mezz ta’ kif ikun apprezzat l-irwol li jkunu taw u għadhom jaghtu fil-politika kif ukoll f’kull qasam ieħor fis-soċjetà.
L-intervista pubblika ‘Niltaqgħu ma’ Richard Muscat’ tal-Ħamis li ġej se titmexxa minn Alessia Psaila Zammit.