Ekonomija Ewropa Kummerċ Unjoni Ewropea

Ebda qbil s’issa dwar il-Budget tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin

Stennija li Malta, bħala pajjiż żgħir, tibbenifika b'mod sostanzjali minn dawn il-fondi Ewropej

Għalaq mingħajr qbil l-ewwel lejl tas-Summit Straordinarju tal-Unjoni Ewropea li qed jitlaqqa’ bħalissa fi Brussell; summit importanti għal pajjiżna għaliex matulu irid jintlaħaq xi forma ta’ kompromess dwar il-Budget tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin.

L-istennija minn naħa ta’ Malta hija kbira, u ħafna qed jistennew li l-Prim Ministru Robert Abela iġib pakkett ta’ fondi li jkompli jibni fuq il-€1.12 biljun li kien ġab l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Il-laqgħat fil-kapitali Belġjana mistennija jissoktaw dalgħodu wara waqfa żgħira ta’ ftit sigħat, għalkemm jidher li ċertu manuvri minn wara l-kwinti komplew sal-ħinijiet bikrin ta’ dalgħodu fil-kurituri fejn qed jitlaqqa’ s-summit. Bl-aktar attiv ikun il-Gvern Olandiż illi ma jridx iċedi għall-pressjoni ta’ Franza.

Fattur li żgur mhux qed jgħin f’dawn id-diskussjonijiet huwa Brexit, u r-realta’ li issa għandek pajjiż kbir bħar-Renju Unit li mhux se jibqa’ jikkontribwixxi għall-Budget Ewropew.

Malta ilha mill-2004 tgawdi direttament minn dawn it-tip ta’ fondi, mhux biss biex saru proġetti kbar ta’ toroq, restawr u binjiet edukattivi, iżda wkoll biex ġew finanzjati programmi għaż-żgħażagħ u għajnuniet lil oqsma partikolari fosthom bdiewa, sajjieda, raħħala u negozji żgħar.