Internazzjonali

Ġermanja: Sigurtà akbar fost it-theddida mill-estremisti tal-lemin

Il-Ministeru għall-Intern f’Berlin ikkonferma li numru ta’ pulizija addizzjonali se jkunu stazzjonati biex iħarsu l-moskej, l-istazzjonijiet tal-ferrovija u siti sensittivi oħra minħabba ‘it-theddida għolja ħafna’ ta’ vjolenza mill-estremisti tal-lemin f’dan il-pajjiż.

Il-miżura qed tittieħed ukoll fost it-tensjoni li segwiet l-attakki tal-Ħamis fuq ħwienet tax-xixa fil-belt ta’ Hanau li fihom raġel armat qatel disa’ persuni ta’ oriġini barranija.

Talanqas ħamsa mill-vittmi kellhom ċittadinanza Torka b’ oħrajn ikunu rappurtati bħala Kurdi etniċi. Il-mejtin kienu jinkludu persuni mill-Bosnia-Herzegovina, il-Bulgarija u r-Rumanija – bil-pulizija, wara, isibu lill-qattiel mejjet fl-appartament tiegħu u fejn kien hemm ukoll il-katavru ta’ ommu.

L-attakki – attribwiti lil Ġermaniż ta’ 43 sena magħruf bħala Tobias R – qed ikunu trattati bħala att ta’ terroriżmu.

Il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Horst Seehofer, qal li fl-aħħar sigħat sar qbil dwar miżuri tas-sigurtà flimkien mal-mexxejja reġjonali tal-pajjiż bil-ħsieb li jevitaw ‘azzjonijiet simili minn estremisti li jistgħu jkollhom il-ħsieb biex jirrepetu l-massakru’.

Seehofer wissa li żdiedet it-theddida mill-estremiżmu tal-lemin, ir-razziżmu u l-anti-Semitiżmu u li din hi wkoll ‘l-akbar theddida għas-sigurtà fil-Ġermanja’.

Intant, għexieren ta’ eluf ta’ nies fl-aħħar sigħat attendew il-vejl għall-vittmi tal-attakki u għall-avvenimenti ta’ solidarjetà mal-qraba tal-mejtin f’Hanau kif ukoll f’Berlin.