Hekk kif fil-Qorti, dalgħodu kompliet tinstema’ l-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fuq il-pedana messu jitla’ l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Glenn Bedingfield.
Il-ġurnalista dejjem kienet fil-mira ta’ attakki politiċi mid-Deputat Laburista, fosthom anke fil-perjodu meta Bedingfield kien jaħdem f’Kastilja bħala Konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
11.21: Smigħ ieħor tal-Inkjesta Pubblika se jsir l-Erbgħa li ġej fis-2pm, fejn huma mistennija jixhdu Petra Caruana Dingli u Andre Camilleri. Il-Ġimgħa ta’ wara mistennija jixhdu l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia.
11.16am: Fi triqthom ‘il barra mill-awla, l-Avukat tad-Deputat Laburista deher jgħaddi xi rimarki lill-Avukat Andrew Borg Cardona.
11.15am: Tintemm ix-xhieda ta’ Glenn Bedingfield.
11.08am: Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi dwar għaliex, fl-2016, kiteb dwar x’karozza kienet issuq Daphne Caruana Galizia, Glenn Bedingfield qal li dan kien għamlu biex in-nies joqgħodu attenti u jevitaw dik il-karozza. Dan meta l-Bord innota kif, b’kitbietu, hu kien javża lin-nies fejn kienet tkun.
11.01am: Il-Bord jikkummenta li l-fatt li Daphne Caruana Galizia qatt ma kellha programm televiżiv imur kontra l-“equal and opposite reaction” li rrefera għaliha d-Deputat Laburista għax bit-televiżjoni jkollok udjenza akbar milli bi blogg bl-Ingliż. Bedingfield jiċħad dan il-fatt billi jgħid li l-aħbar tal-Panama Papers xorta waslet għand kulħadd.
10.57am: Glenn Bedingfield jgħid li ma jsibx oġġezzjoni li Daphne Caruana Galizia għandha mafkar quddiem il-Qorti. Anzi, itenni li kien issuġġerixxa li għandu jsirilha monument apposta.
10.30am: Glenn Bedingfield jgħid li ġieli kien jgħin lil Muscat meta kienu imur fuq xi programm televiżiv. Iżda jgħid li kien jgħinu mill-aspett ta’ “image” u mhux dwar il-kontenut politiku.
10.10am: Għal Glenn Bedingfield, is-sezzjoni li kien ikollu waqt programm fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista li matulha kien iżebblaħ lil Daphne Caruana Galizia kien biss “parti minn programm satiriku”. Fl-istess waqt, qal li ma jara xejn ħażin li kien jagħmel hekk waqt li kien jitħallas minn flus il-poplu bħala Konsulent tal-Prim Ministru Muscat f’Kastilja.
10.02am: Mistoqsi minn Bord dwar kitba li kien għamel biex iqajjem tħassib kontra l-familja Caruana Galizia, qal li ma jemminx li l-familja kienet wara l-assassinju. Min-naħa l-oħra, ipprova jtenni d-dubji dwar allegat ħabi ta’ laptop tal-ġurnalista assassinata. Il-laptop kien għand il-Pulizija Ġermaniża.
9.58am: Minkejja li kien jaħdem f’Kastilja stess, id-Deputat Laburista jgħid li qatt ma ra lil Yorgen Fenech hemm. Mistoqsi wkoll jekk kienx jaf li Fenech hu ħabib kbir ta’ Keith Schembri, Bedingfield jgħid li ma kienx jaf.
9.55am: Id-Deputat Laburista ma jaċċettax li jikxef min kienu l-persuni terzi li kienu jiktbu fuq il-blogg tiegħu għax xtaqu jibqgħu anonimi. Dan wara li kkonferma li mhux hu biss kien jikteb fil-blogg tiegħu.
9.53am: Mistoqsi dwar il-Panama Papers, Glenn Bedingfield sejħilhom “allegazzjonijiet” u li llum jemmen li kien ikun aħjar li kieku ċerti affarijiet ġew diskussi internament qabel.
9.47am: Il-Bord tal-Inkjesta staqsa lid-Deputat Laburista dwar id-dikjarazzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li kien qal li kellu “żrara fiż-żarbun” dwar l-assassinju. Wieġeb li Muscat qatt ma għamillu referenza għal din “iż-żrara”, kif ukoll li “fil-Kwartieri” (ĊNL) dakinhar tal-qtil ma kien hemm l-ebda diskussjoni dwarha.
9.35am: Mistoqsi jekk iħossx li b’kitbietu ħoloq klima biex il-ġurnalista tkun assassinata, Glenn Bedingfield ċaħad għax qal li “ma jistax ikun” li xi ħadd jasal joqtol persuna wara li jkun qara xi artiklu. Min-naħa l-oħra, jipprova jżeffen lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
9.27am: Id-Deputat Laburista jgħid li ħadd qatt ma fetaħ libell kontrih fejn jidħol il-blogg, iżda mbagħad jammetti li kienu nfetħu sitt libelli kontrih.
9.25am: Glenn Bedingfield jallega li jaf b’familji li tkissru kawża tal-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia. Madankollu, hu ma semma’ l-ebda eżempju konkret ta’ dan.
9.22am: Dwar il-“blogg” tiegħu, li kien ikkaratterizzat minn lingwaġġ ta’ konfrontazzjoni, id-Deputat Laburista qal li kien juża’ “l-istess ton li Daphne użat kontrija”.
9.20am: Mistoqsi dwar dak li kien jikteb fuq l-internet, id-Deputat Laburista jipprova jistaħba wara l-iskuża “tad-dritt tal-espressjoni”. Dan filwaqt li ċċara li għalaq is-sit tiegħu, glennbedingfield.com, eżatt wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Min-naħa l-oħra, hu ċaħad li kien wara s-sit Taste Your Own Medicine (li kienet tattakka b’mod anonimu lill-ġurnalista).
9.17am: Glenn Bedingfield joħroġ b’attakk kontra Peter Caruana Galizia u persuni oħrajn, li ma jgħidx min huma, li skont hu gidbu dwaru waqt l-Inkjesta. Qal li dawn taw l-impressjoni li hu kkomplotta ma’ nies oħrajn kontra l-ġurnalista.
9.14am: Glenn Bedingfield jissejjaħ biex jidħol fl-awla. Hu qed ikun assistit minn Avukat.
9.12am: Fl-awla jidħol il-Bord li qed imexxi l-Inkjesta: l-Imħallef Emeritus Michael Mallia (Chairman), il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
//= $special ?>