Lokali Unjoni Ewropea

Is-summit tal-mexxejja Ewropej dwar il-baġit mistenni jieħu fit-tul

Jidher li se jieħu fit-tul is-Summit bejn il-Mexxejja tal-Gvenijiet Ewropej, bit-tama li jintlaħaq qbil dwar il-Budget Ewropew għas-snin bejn l-2021 u l-2027.

Normalment, qbil bħal dan jasal f’żewġ laqgħat straordinarji tal-Kunsill Ewropew. Madankollu, il-President Charles Michel kien qed jittama li l-qbil jasal wara biss laqgħa waħda.

Is-Summit ta’ jumejn fi Brussell hu wieħed importanti għall-Istati Membri – fosthom Malta – li sa mill-2004 ilha tgawdi mill-eluf ta’ miljuni ta’ ewro grazzi għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, ħafna qed jistennew li l-Prim Ministru Robert Abela jġib pakkett ta’ fondi li jkompli jibni fuq l-elf u mitejn miljun ewro li kien ġab lejn pajjiżna Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi.

Wara n-nuqqas ta’ qbil fi tmiem l-ewwel jum ta’ laqgħat – il-Ħamis – matul il-jum tal-Ġimgħa l-Mexxejja kellhom għadd ta’ laqgħat bilaterali u informali dwar diversi setturi.

Dan anke wara li l-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli ċċara li l-Parlament kollu qed jiġbed ħabel wieħed u mhux mistenni jaċċetta kwalunkwe pożizzjoni li se jkun qed jippreżenta l-Kunsill Ewropew.

Min-naħa tagħhom, il-Mexxejja li jagħmlu parti mill-Partit Popolari Ewropew qed isostnu li t-tqassim tal-fondi Ewropej għandu jkun wieħed ġust u trasparenti.

Fil-jiem li għaddew, il-Kumitat fi ħdan il-Parlament Ewropew dwar il-Budgets spjega lill-ġurnalisti li wieħed mill-prijoritajiet ewlenin hu l-Ambjent, iżda anke l-immigrazzjoni u li tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.

Żgur li fost l-akbar sfidi għall-Mexxejja Ewropej hi t-tluq tar-Renju Unit minn Membru Sħiħ; pajjiz li issa mhux se jkun qed ikompli jikkontribwixxi finanzjarjament.