Internazzjonali Saħħa

ITALJA: Raġel ittestja pożittiv għall-Coronavirus

Raġel ta’ 38 sena jinsab rikoverat fl-isptar ta’ Codogno fil-provinċja ta’ Lodi fl-Italja, hekk kif ittestja pożittiv għall-Coronavirus.

Kelliem għas-servizzi tas-saħħa fir-reġjun qal li bħalissa qed isiru aktar testijiet fl-Istitut Għoli tas-Saħħa u li r-raġel jinsab fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar fejn ġew sospiżi s-servizzi tal-Emerġenza u servizzi oħra bħala miżura ta’ prekawzjoni.

Ir-raġel daħal l-isptar nhar il-Ħamis b’sintomi tal-virus, u l-awtoritajiet qed jintraċċaw il-movimenti tiegħu fl-aħħar jiem.

L-awtoritajiet qalu li qed jikkuntattjaw lill-persuni li kellhom kuntatt mar-raġel u qed isirulhom testijiet, kif ukoll qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus.

Intant issa ntemm il-perjodu ta’ kwarantina għall-55 Taljan li daħlu lura minn Wuhan fit-3 ta’ Frar.