L-awtoritajiet fil-Korea t’Isfel żiedu l-miżuri biex jikkontrollaw il-firxa tal-coronavirus qattiel, fost il-konferma li l-infezzjonijiet żdiedu ‘bil-kbir’ fil-pajjiż għat-tieni jum konsekuttiv. Il-Prim Ministru Korean Chung Sye-kyun qal li s-sitwazzjoni qed titqies bħala ‘emerġenza’, bil-Korea t’Isfel tikkonferma mal-100 każ ġdid ta’ infezzjoni, minbarra t-tieni mewta ta’ persuna mill-coronavirus.
L-ibliet ta’ Daegu u Cheongdo, fin-nofsinar tal-Korea t’Isfel, ġew dikjarati bħala ‘zoni għall-kura speċjali’. Dan meta t-toroq ta’ Daegu spiċċaw fil-parti kbira abbandunati fost l-inkwiet tar-residenti. Intant, il-bażijiet militari kollha fil-Korea t’Isfel spiċċaw f’sitwazzjoni ta’ lockdown wara li tliet suldati testjaw pożittiv għall-coronavirus.
Il-Gvern f’Seoul irreaġġixxa malajr għal sitwazzjoni ‘li qed tiddeterjora’ fejn wiegħed miżuri fil-pront bil-ħsieb li jrażżan il-firxa tal-virus. Il-Prim Ministru Chung, fl-istess ħin, tkellem dwar l-urġenza li jinstabu l-persuni li ġew f’kuntatt mal-infettati bil-coronavirus u ħeġġeġ biex is-servizzi mediċi jieħdu ħsieb mill-aktar fis lill-pazjenti.
Ħarġu wkoll rapporti li l-coronavirus issa nfirex lejn l-Iran, fejn mietu żewġ persuni oħra fost talanqas 13-il każ ġdid ta’ infezzjoni. S’issa mietu erba’ persuni bil-coronavirus fl-Iran, bil-Libanu jikkonferma l-ewwel każ ta’ infezzjoni – f’dan il-każ ta’ mara li vvjaġġat għal dan il-pajjiż mill-belt Iranjana ta’ Qom.
Fl-Iran, l-epidemija tal-coronavirus qed tidher ikkonċentrata fil-belt ta’ Qom, lejn in-nofsinar mill-kapitali Iranjana, Tehran.
Madankollu, l-uffiċjali tas-saħħa lokali ma jeskludux li l-coronavirus, fl-aħħar sigħat, seta’ infirex ‘lejn l-ibliet kollha tal-Iran’.
//= $special ?>