F’deċiżjoni mill-Qorti dwar każ li nfetaħ tnax-il sena ilu, Kurt Farrugia, l-eks Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Kastilja, ġie ordnat iħallas €5,000 lill-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono wara li nstab ħati ta’ libell.
Il-każ imur lura għas-16 ta’ April tal-2008, meta Giovanna Debono ppreżentat rikors fil-Qorti fil-konfront ta’ Farrugia wara li kiteb artiklu li fih kien allega li Giovanna Debono meta kienet Aġent Prim Ministru, kienet użat il-poter tagħha f’każ ta’ esproprjazzjoni ta’ biċċa art.
Fis-sentenza tagħha il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella qalet li meta ġurnalist jagħmel kritika, din trid tkun waħda korretta u ġusta u bbażata fuq fatti riċerkati u verifikati u mhux sempliċement inventiva vendikattiva basta li ssir ħsara lill-persuna pubblika u politika akkost ta’ kollox, bħalma appuntu kien l-artiklu li kiteb Farrugia.
Il-Qorti qalet li l-proċess ta’ esproprjazzjoni in kwistjoni kien proċess li kien beda fl-1984, taħt amministrazzjoni Laburista, b’Farrugia jammetti li ma kienx għamel riċerka.
Kien għalhekk li mmultatu s-somma ta’ €5,000.
L-artiklu, bit-titlu “Bitterly bitten Nadur families fight back, claim “abuse of power” by Giovanna” ġie ppubblikat fis-7 ta’ April 2008 fuq is-sit elettroniku maltastar.com. Portal bl-ingliż tal-Partit Laburista li nfetaħ fl-2001 u li tagħha kien l-ewwel editur Joseph Muscat.
Is-sit għalaq baxx baxx lejn l-aħħar t’April tal-2016.
Illum Kurt Farrugia m’għadux Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja, imma tela’ skaluna oħra u tpoġġa Kap Eżekuttiv fil-Malta Enterprise, b’pakkett finanzjarju aqwa minn tal-Prim Ministru.
//= $special ?>