Internazzjonali

Afganistan: Jittamaw fi ftehim għall-waqfien mill-ġlied parzjali

Impenn għall-waqfien mill-ġlied parzjali – jew ‘tnaqqis fil-vjolenza’ — bejn l-Istati Uniti u l-militanti tat-Taliban fl-Afganistan suppost li jidħol fis-seħħ matul is-sigħat bikrin tas-Sibt.

Dan waqt li s-Segretarju għall-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li dan l-impenn għandu jitqies bħala ‘pass importanti fit-triq twila lejn il-paċi’.

L-impenn għall-waqfien mill-ġlied parzjali hu intiż li jdum ġimgħa u f’każ li jirnexxi, l-Istati Uniti u t-Talibani għandhom, imbagħad, jiffirmaw l-ewwel fażi ta’ ftehim immirat biex itemm kważi għoxrin sena ta’ konflitt.

Il-ftehim inkwistjoni wasal f’dan il-punt wara aktar minn sena ta’ taħditiet bejn l-Amerikani u r-rappreżentanti tat-Taliban fl-Afganistan.

In-negozjaturi tat-Taliban qalu, fi stqarrija, li ‘sitwazzjoni xierqa għas-sigurtà’ għandha tkun stabbilita qabel l-iffirmar ta’ ftehim. Huma, intant, qed jittamaw li l-ftehim ‘iwitti t-triq għall-paċi madwar l-Afganistan fost l-irtirar tal-qawwiet barranin kollha mill-pajjiż’.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, laqa’ b’sodisfazzjon il-ftehim għal waqfien mill-ġlied parzjali u sostna li ‘dan jinvolvi eżami kritika għar-rieda u l-kapaċità tat-Talibani biex inaqqsu mill-vjolenza filwaqt li jikkontribwixxu għall-paċi.

Il-Gvern tal-Afganistan, sadanittant, ma kienx imsieħeb fin-negozjati speċifiċi għall-waqfien mill-ġlied parzjali li jista’ iwassal għal ċirkustanzi anqas perikolużi fil-pajjiż.