Internazzjonali

Iran: Il-konservattivi lesti għal trijonf fl-elezzjonijiet parlamentari

L-Iranjani qed jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament fost stennija għal assemblea ġdida u ‘aktar riġida minn aspett konservattiv’… Assemblea li tirrifletti lealtà assoluta lejn il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei.

Din kienet l-ewwel elezzjoni fl-Iran mindu l-Istati Uniti ġedded is-sanzjonijiet għal dan il-pajjiż b’konnessjoni mal-programm nukleari tar-reġim Iżlamiku f’Tehran. Intant, eluf ta’ kandidati moderati ma tħallewx jikkuntestaw l-elezzjoni wara li nstabu li ‘ma ssodisfawx ċerti kriterji’.

L-awtoritajiet Iranjani, issa, qegħdin jittamaw f’konkorrenza qawwija ta’ votanti bħala appoġġ għar-reġim.

Il-kritiċi tal-mexxejja awtokratiċi tal-Iran kienu sejħu, qabel, biex iċ-ċittadini jibbojkottjaw l-elezzjoni bħala ‘oppożizzjoni għaċ-ċaħda tad-drittijiet umani u l-intolleranza min-naħa tat-Tmexxija fundamentalista f’Tehran’.

Dan meta l-kandidati li kkuntestaw għall-elezzjoni huma ddominati mill-konservattivi u r-radikali – bir-riżultat eventwali mistenni jdgħajjef il-pożizzjoni tal-President Iranjan Hassan Rouhani, bħala politiku relattivament moderat.

’Il fuq minn 7,000 kandidat qed jikkontestaw għall-290 siġġu fil-Parlament, magħruf bħala l-Majlis. Il-Parlament hu parti mis-sistema mħallta tat-tmexxija demokratika u teokratika fejn l-Ayatollah Khamenei ikollu l-aħħar kelma fl-aktar affarijiet importanti.