Lokali

L-ISKANDLU FIL-KORP: Il-Ministru tal-Finanzi jfarfar; anke l-eks Kummissarju Laurence Cutajar taħt il-lenti

Ħafna uffiċjali tal-Pulizija jinsabu urtati għall-fatt li f’nofs l-iskandlu li faqqa’ l-ġimgħa li għaddiet, in-nies li qed jinvestigaw donnu injoraw li jpoġġu l-attenzjoni tagħhom fuq l-eks Kummissarju Laurence Cutajar tal-Pulizija illi sa issa mhux meqjus fost is-suspettati.

Pulizija li tkellmu ma’ Net News qalulna li Laurence Cutajar allegatament kien jaf kollox “iżda żamm fommu sieket biex ma jkissirx il-familji”. L-istess sorsi qalulna li Cutajar “ħareġ ta’ hero ma’ dawk li kienu qed imexxu dan it-taħwid kollu”.

Mhux magħruf jekk l-Aġent Kummissarju Carmelo Magri sejjaħx lil Cutajar biex jinterrogah. Dan meta s-sitwazzjoni matul din il-ġimgħa kompliet tigrava minħabba l-fatt li jum wara l-ieħor baqgħu joħorġu akkużi ġodda u dettalji xokkanti.

L-iskandlu faqqa’ fil-11 ta’ Frar meta inkixef racket sħiħ li sewa’ l-eluf ta’ ewro f’overtime. Dan apparti stejjer ta’ abbuż, theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.

Sa issa għadu ħadd ma ġarr responsabbiltà politika dwar dan l-iskandlu li heżżeż korp sħiħ. U l-Gvern baqa’ ma waqqaf ebda inkjesta indipendenti.

Intant, anke l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qed iħossu skomdu jwieġeb meta pressat mill-media. Dan għaliex mill-kaxxa tal-Gvern donnu li ħarġu eluf kbar f’overtime li mhux suppost tħallas.

Iżda meta mistoqsi minn Net News, Scicluna farfar fuq l-investigaturi, mingħajr ma wieġeb dwar l-aspett finanzjarju.