Lokali Qorti

Mixli li seraq diesel minn Ħal Luqa

Raġel ta’ 33 sena, residenti Buġibba ġie mixli b’serq ta’ diesel minn garaxx kummerċjali li jinsab Ħal Luqa. Huwa tressaq il-Qorti wara li l-allegat vittma laħaq ħa n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza tiegħu

Ian Xuereb, li ilu mfittex mill-Pulizija sa minn Diċembru li għadda, ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo b’serq ta’ madwar €100 f’diesel, bl-akkużi jinkludu serq aggravat, li rċieva ħwejjeġ misruqa u li sar reċediv.

Huwa ġie mixli li wettaq din is-serqa fit-13 ta’ Diċembru li għadda, bil-Pulizija li kellha dettalji fuq in-numru tal-karozza li kien qed juża, u wara ħafna xogħol finalment huwa ġie nterċettat mill-Pulizija.

Xuereb wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000. L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri assisted deheru għal Xuereb. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Hubert Cini.