Lokali Saħħa

Studenti tal-Mediċina mingħajr ‘placement’ f’Mater Dei: posthom meħud minn studenti ta’ Barts

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Dak li l-għaqdiet tal-istudenti ilhom iwissu dwaru jidher beda jseħħ. Dan hekk kif studenti tat-tielet sena fil-kors tal-Mediċina fl-Universita’ ta’ Malta ma ingħatawx ‘placement’ fl-Isptar Mater Dei.

Dan minħabba li ma kienx hemm konsulenti fl-Isptar Mater Dei. Fi stqarrija konġunta, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u l-Għaqda tal-Istudenti tal-Mediċina (MMSA) qalu li dan kien riżultat tal-fatt li ż-żewġ postijiet fl-ispeċjalizzazzjoni tal-gastroenteroloġija ingħataw lil studenti li qed jattendu l-iskola medika Barts.

L-għaqdiet qalu li issa jidher ċar li l-influss tal-istudenti ta’ Barts qed ipoġġi pressjoni fuq is-sistema u qed iċċaħħad lil studenti tal-Universita’ ta’ Malta mill-aċċess għall-istaff akkademiku ta’ Mater Dei.

L-istqarrija tkompli li diġa’ tkellmu mal-Ministeru tas-Saħħa u kienu wissew dwar il-possibilita’ dwar dawn l-affarijiet se jiġru iżda kienu diżappuntati li l-Ministeru tas-Saħħa ma ħax bis-serjeta dwar it-tħassib ġenwin tal-istudenti.

KSU u MMSA fakkru li bħalissa Barts mhux qed topera b’mod sħiħ u wissew li iktar ma Barts iżżid l-operat f’Malta, iktar se jiġru sitwazzjonijiet bħal dawn fejn studenti tal-Universita’ ta’ Malta jispiċċaw esklużi minn ‘placements’ ma’ staff akkademiku fl-Isptar Mater Dei.

L-istqarrija ttemm li talbiet formali għal laqgħa ma’ uffiċjali fil-Ministeru tas-Saħħa sa issa kienu injorati.