Edukazzjoni Lokali

Tbażwir fis-sistema tal-pagamenti tat-Teżor

Dawk li l-Ministru qed isejjaħ teething problems fis-sistema l-ġdida tal-pagamenti mid-Dipartiment tat-Teżor, jidher li qed jissarfu f’pagamenti hżiena – jew pagamenti doppji – lil diversi kumpaniji li jissuplixxu prodotti lill-Gvern.

Skont sorsi li tkellmu ma’ Net News, is-sistema l-ġdida li bdiet titħaddem fit-Teżor mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, magħrufa bħala Corporate Financial Management Solutions għal xi raġuni mhix tiffunzjona kif suppost, u dan qed jirriżulta f’pagamenti li qed jinħarġu doppji. Fi kliem semplici, mill-kaxxa ta’ Malta qed joħorġu eluf żejda.

Staqsejna lill-Ministru tal-Finanzi dwar dan it-tgerfix fis-sistema, iżda hu deher maħsud bil-mistoqsija, u għall-ewwel għamilha ta birruħu li ma jaf xejn u baqa jsaqsi fuq xiex qed nitkellmu.

Sa fl-aħħar il-Ministru ammetta li din hi sistema ġdida li jista’ jkun li għandha teething problems.

Il-pagamenti li saru doppji, u li sa issa ħafna minnhom huma pagamenti għal mediċini, huma flejjes sostanzjali ħafna. Ħlas li per eżempju kellu jkun ta’ €500,000 minflok ħareg għal €1,000,000. 

Imma minkejja li qed nitkellmu fuq flejjes kbar, Edward Scicluna jitratta dan it-taħwid daqs li kieku kienet xi problema żgħira.

Meta pressat aktar dwar is-sitwazzjoni, il-Ministru tal-Finanzi ammetta li dawn il-problemi fil-fatt jeżistu.

L-iżball jidher li hu marbut ma’ diversi ditti partikolari, u s-sorsi qalulna li hu maħsub li saru tal-anqas 20 pagament.

Il-problema tkompli tikber hekk kif minkejja li t-Teżor jaf b’din is-sitwazzjoni, id-data marbuta mat-tranżazzjonijiet jidher li qed tieħu tul ta’ żmien biex tinġabar, u jekk min irċieva l-ħlas doppju ma javżax hu direttament lit-Teżor, dawn il-pagamenti ma jiġux traċċatti.

Id-difett fis-sistema jidher li qed jiswa miljuni ta’ ewro meta wieħed iqis li ħlasijiet għal-provvediment ta’ mediċini ikunu ħlasijiet sostanzjali.

Iżda l-Ministru tal-Finanzi jibqa’ jgħid li ma jaf xejn b’dawn il-flejjes li donnhom ghosfru.