Lokali Qorti

Akkużat li kellu x’jaqsam ma’ minuri f’Malta wara li tkeċċa mill-Kanada fuq akkużi simili

Il-Qorti ordnat li Bojan Ambrus, Serb ta’ 39 sena, jinżamm arrestat hekk kif qed jaffaċċja akkużi li kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajliet taħt l-eta’.

Kollox beda meta tfajla ta’ 15-il sena, li kienet f’relazzjoni miegħu, irrappurtat li kellhom x’jaqsmu flimkien kif ukoll li ġibed filmati indiċenti tagħha.

Dan kien konfermat meta l-Pulizija arrestaw lir-raġel u sabu ritratti u filmati ta’ vittmi oħra li wkoll huma minuri. Meta kien qed jiġi arrestat, ir-raġel attakka lill-Pulizija, darab uffiċjal kif ukoll wettaq ħsara fuq karozza tas-servizz.

Waqt li l-Pulizija fetħet investigazzjoni, ġiet avviċinata wkoll minn tliet tfajliet oħra, li l-eta’ tagħhom tvarja bejn il-12 u l-15-il sena.

Mhux eskluż li l-każ fil-Qorti jwassal biex iktar tfajliet jersqu għand il-Pulizija biex jirrappurtaw każi simili fil-konfront tal-istess raġel.

Dan hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, bir-raġel li hu riċediv hekk kif wettaq atti simili fil-Kanada. Kien fl-2014 li r-raġel instab ħati minn Qorti Kanadiża li kien jattira lil tfajliet taħt l-eta’ billi jikkuntattjahom onlajn.

F’dan il-każ ukoll hu kien saħaq li kellu x’jaqsam ma’ tfajla ta’ 13-il sena għal diversi drabi, iżda ddefenda ruħu billi qal li kienu atti konsenswali. Eventwalment il-każi komplew jizdiedu sakemm spiċċa ammetta għal 17-il akkuża.

Hu kien ġie deportat u eventwalment jidher li spiċċa f’pajjiżna, jaħdem bħala plumber.