Lokali

Botta u risposta bejn l-FKNK u għaqdiet oħra dwar ir-referendum abrogattiv

Petizzjoni maġġuri bil-firem ta’ għexieren ta’ eluf ta’ persuni li qed jitolbu protezzjoni għall-minoranzi, ippreżentata fl-aħħar jiem mill-FKNK lill-President ta’ Malta, qed tqajjem diversi reazzjonijiet.

Kien it-Tlieta li għadda li l-konsulenti legali tal-FKNK kitbu lill-President ta’ Malta George Vella fejn talbu biex jikkunsidra emendi fil-Liġi li ssottomettew l-istess FKNK.

L-emendi għandhom iwasslu biex ikun hemm ċertu salvagwardja biex ma jkunx hemm sitwazzjoni, kif ġara fl-2015, fejn jissejjaħ referendu abrogattiv jissejjaħ b’mod kapriċċuz u/jew b’abbuz tal-istess liġi.

Is-sottomissjonijiet tal-FKNK tressqu wkoll fid-dawl tal-fatt Ii l-istess Federazzjoni, fit-2 ta’ Ġunju 2014, kienet ressqet fil-Parlament l-akbar petizzjoni fl-istorja b’104,293 firma ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin.

Għall-kuntrarju u fid-dawl ta’ dan, tnax-il għaqda tas-soċjetà ċivili ngħaqdu ma’ BirdLife Malta, f’kundanna għat-talba tal-kaċċaturi li kkunsidrawha bħala bħala theddida għad-demokrazija.

Fi stqarrija, BirdLife Malta ddikjarat li referendum huwa wieħed mill-aktar għodod demokratiċi f’kull pajjiż, inkluż f’Malta, u d-dritt tal-votanti li jitolbu referendum m’għandu jiġi ostakolat bl-ebda forma jew mod.

Fid-dawl ta’ dan, BirdLife Malta talbet lill-President ta’ Malta, lill-Prim Ministru u l-Kabinett tal-Ministri tiegħu biex jassiguraw li jżommu intatti l-mekkaniżmi demokratiċi b’saħħithom li għandu pajjiżna, u jaraw li ma jsir l-ebda logħob mal-liġijiet Maltin biex tiġi aġevolata din it-talba li hija theddida għad-demokrazija