Ewropa Internazzjonali

FL-ITALJA: Il-persuni nfettati bil-coronavirus jitilgħu għal 51 f’jumejn – imutu 2 pazjenti

Skejjel magħluqa u sptarijiet li inbidlu fi kwarantina

Paniku fl-Italja hekk kif qed jiżdiedu l-każi tal-Coronavirus fil-pajjiż ġar tagħna, waqt li tħabbret ukoll il-mewt tal-ewwel żewġ Taljan fi ftit sigħat kawża ta’ dan il-virus.

L-ewwel vittma kien anzjan ta’ 78 sena li kien rikoverat fl-isptar ta’ Schiavonia, f’Padova. Adriano Trevisan kien ilu għall-aħħar jiem rikoverat minħabba li kien ibati minn diversi kundizzjonijiet mediċi.

Wara din l-aħbar sar magħruf li anke sieħbu, li għandu 67 sena, spiċċa nfettat mill-istess virus u hu wkoll jinsab rikoverat fi sptar lokali.

Ftit sigħat wara, anzjana oħra li kellha 77 sena u wkoll residenti fil-Lombardija tilfet ħajjitha. Aktarx li hi wkoll mietet kawża tal-virus, għalkemm kienet tbati minn diversi patoloġiji oħra.

Tħassib ukoll dwar saħħet raġel ieħor, ferm iżgħar hekk kif għandu 38 sena, li jingħat li jinsab f’qagħda ta’ saħħa gravi ħafna. Jirriżulta li ħarġulu s-sintomi wara li mar jiekol ma’ sieħbu li kien għadu ġej miċ-Ċina.

B’dawn l-aħħar każi, il-persuni rikoverati minħabba l-Coronavirus fl-Italja issa tela’ għal 39 mil-Lombardija u 12 fil-Veneto f’inqas minn jumejn.

Dan wassal biex diversi komuni fl-inħawi jieħdu diversi miżuri, anke drastiċi. Fost l-oħrajn Codogno, fejn ir-raġel ta’ 38 sena mar fi klinika lokali jilmenta mill-problemi ta’ saħħa.

Hawn il-kunsill tal-lokal għalaq l-iskejjel u diversi postijiet pubbliċi oħra, inkluż is-supermarkets u bars lokali, bil-konsegwenza li ċ-ċentru tal-villaġġ spiċċa deżert min-nies.

Minħabba dawn il-każi, l-Isqof ta’ Piacenza ddikjara li waqt il-quddies in-nies m’għandhomx jieħdu b’idejn xulxin biex jagħtu l-paċi, waqt li l-logħba bejn Ascoli u Cremonese kienet sospiża. Kanċellati wkoll diversi ċelebrazzjonijiet tal-Karnival.

Minkejja dan, il-Prim Ministru Giuseppe Conte qal li m’hemmx lok għall-allarm, għaliex l-awtoritajiet Taljani qed isegwu bir-reqqa dawn l-iżviluppi marbuta mal-Coronavirus.

Sadattant fl-Italja wasal ajruplan militari li evakwa 19-il ċittadin Taljan mill-Ġappun, fejn kienu maqbuda wara li kienu abbord il-cruise liner Diamond Princess.

Dan waqt li 55 persuna oħra, li fil-bidu tax-xahar kienu evakwati miċ-Ċina, għaddew mill-perjodu ta’ kwarantina li għal 18-il ġurnata żammhom maqfula fi kmamar apposta. Fortunatament ħadd minn dawn ma wera’ sintomi ta’ mard.

Fuq livell globali, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa esprimiet tħassib li l-virus issa qed jixtered anke fost nies li m’għandhomx rabta ċara maċ-Ċina.Dan hekk kif madwar id-dinja, barra miċ-Ċina, l-ammont taż każi telgħu għal 1,200 mifruxa madwar 26 pajjiż u total ta’ tmien imwiet.