Lokali

Il-kumpanija li fl-2018 ftaħar biha Joseph Muscat, mhix awtorizzata topera minn Malta

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, wissiet li l-kumpanija Binance mhix awtorizzata mill-MFSA biex topera fis-settur tal-crypto currency.

Madankollu l-MFSA ddikjarat li qed tanalizza jekk il-kumpanija għandiex xi attivitajiet f’Malta li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet regolatorji tagħha.

Din il-kumpanija kienet ħabbret li fetħet uffiċċju f’pajjiżna lura fl-2018. Dan wara pressjoni mir-regolaturi Ġappuniżi li wassluha biex tħalli dan il-pajjiż.

Dakinhar, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien ftaħar li l-wasla ta’ din il-kumpanija f’Malta turi li pajji#na għandu ġurisdizzjoni ta’ kwalita.

Anke l-Ministru Silvio Schembri kien ipprova jaħtaf l-opportunità li jiftaħar bil-miġja ta’ din il-kumpanija f’Malta.

Is-sena ta’ wara, meta kien hemm xnigħat li l-kumpanija se tħalli Malta, l-istess Ministru ħataf l-opportunità li jirringrazzja lill-kumpanija tal-fiduċja tagħha f’Malta.

Issa, mill-istqarrija tal-MFSA, sar magħruf li l-kumpanija lanqas biss għandha l-permess li topera minn pajjiżna.

Iċ-chairman tal-kumpanija, f’reazzjoni fuq Twitter, iddikjara li ma nbidel xejn mill-2018 u li l-kumpanija mhix regolata mill-MFSA għax pajjiżna għadu ma ħareġ l-ebda liċenzja għall-crypto exchanges.