Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsilli Lokali jibqgħu prijorità fuq l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista

Numru kbir ta’ Sindki jinsabu frustrati b’bosta jgħidu li “ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk” b’referenza għan-nuqqas ta’ appoġġ mill-Gvern u għall-fatt li ħafna poteri qed jittieħdu mill-Kunsilli għal għand il-Gvern.

Dan ħareġ waqt laqgħa organizzata mill- Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali li għaliha attendew Sindki u Viċi Sindki, numru ta’ għaqdiet mhux governattivi, entitajiet u aġenzija governattivi. Matulha kienet diskussa l-viżjoni sal-2024.

Il-laqgħa segwiet seduta Parlamentari tas-Sindki, fid-29 ta’ Jannar, fejn fiha s-Sindki wrew frustrazzjoni għaliex mhux isibu assistenza u koperazjoni biex iwetqu dak li għalih ġew eletti.

Fl-okkażjoni tal-laqgħa, Robert Cutajar, Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali f’messaġġ irrekordjat qal li hemm bżonn ta’ aktar appoġġ u poteri mill-Gvern ċentrali.

Robert Cutajar qal li nutli nitkellmu dwar riformi jekk l-awtoritajiet u l-aġenziji tal-gvern ikomplu jkunu arroganti fl-attegjament tagħhom fil-konfront tal-kunsilli.

Hu appella lill-gvern biex il-proposti tal-oppozizzjoni li l-gvern skarta fl-hekk imsejjħa riforma, jiddahhlu mill-aktar fis possibbli fl-interess tal-gid komuni.

F’dawn il-proposti fost l-ohrajn, wieħed jista’ jsib   modi ġodda fl-allokazzjoni lill-kunsilli bla ma jiżdiedu taxxi ġodda fuq ir-residenti, li l-kunċett tal-community policing, imressaq mill-oppożizzjoni, jiġi ntrodott fl-ibliet u rħula kollha f’pajjizna kif ukoll li l-aspett soċjali jingħata l-attenzjoni xierqa. Dan billi jsir studju dwar l-impatt soċjali għall-kull lokalità minn kull kunsill lokali.