Lokali

Karozza tinqered minn nar f’Bormla – tnejn oħra u mutur ukoll iġarrbu l-ħsara

Karozza tat-tip Renault Megane inqerdet b’kawża tan-nar f’Bormla. Dan il-każ seħħ tul dan il-lejl għal ħabta tat-2:50 am.

Il-vettura kienet tinsab ipparkjata fi Wiġi Rosato. Fuq il-post marru immedjatament membri tal-Protezzjoni Ċivili li ġabu taħt kontroll is-sitwazzjoni, flimkien ma’ membri tal-RIU u pulizija tad-distrett.

Skont sorsi ta’ Net News jidher li fil-qrib ta’ din il-vettura, kien hemm karozza oħra tat-tip Mitsubishi pparkjata, li ġarbet xi ħsarat. Apparti dan kien hemm ukoll karozza oħra ipparkjata viċin u mutur wara il-karozza li ukoll inħakmu.

Sorsi oħrajn spjegawlna li dan mhux l-ewwel każ f’din iż-żona, tant li l-vittma f’dan il-każ aktarx li diġa inħarqitlu vettura oħra ftit tal-ġimgħat ilu.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Farrugia Frendo li ordnat inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.