“Jien qed noffri l-għajnuna kollha biex nġibu lura dak li hu tagħna billi niġġieldu lil min qed jisraqna. Aħna lesti li nġibu l-interessi tal-pajjiż u tal-Maltin l-ewwel u niġġieldu flimkien biex naraw li kull ewro li qegħdin ninsterqu jieqaf, l-flus li serquna nġibuhom lura u minflok ninvestu l-miljuni biex ikollna l-aħjar settur tas-saħħa għalina lkoll”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta intervistat fuq NET FM.
Dr Delia qal li Steward qed jitolbu miljuni ta’ ewro meta ma wettqux l-obbligi tagħhom ta’ modernizzar u investiment fl-isptarijiet. Dan huwa serq ta’ flus il-poplu, u li kieku ma tajnix dawn il-flus lil Vitals u Steward, in-nies kienu jirċievu ċekk ta’ €2,400 jew €400 kull sena.
Dawn il-miljuni ta’ flus tal-poplu setgħu ġew investiti lura f’iżjed mediċini għall-familji u l-anzjani tagħna; f’tagħmir mediku aħjar; iżjed operazzjonijiet; f’investiment li hemm bżonn fil-qasam tas-saħħa mentali; għajnuna akbar lid-dijabetiċi; djar ġodda għall-anzjani u ħafna investiment ieħor li minnu jgawdi kulħadd f’kull settur tas-soċjetà.
Huwa qal li dan huwa serq ta’ €240 miljun mill-flus tal-poplu mill-Gvern Laburista, li huwa responsabbli li ħataf l-isptarijiet minn idejn in-nies biex ingħataw lil kumpaniji barranin mingħajr l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u li baqgħu ma għamlu xejn.
Adrian Delia qal li dawk kollha involuti għandhom jinżammu responsabbli fosthom Joseph Muscat li qabbad lil Konrad Mizzi biex jinnegozja l-kuntratt, Konrad Mizzi nnifsu li nnegozja din is-serqa u Edward Scicluna li qiegħed ifarfar għax mhux hu li nnegozja meta huwa responsabbli mill-finanzi ta’ pajjiżna u għandu minnufih jieqaf jidħak bin-nies u jwaqqaf dan is-serq tal-flus tan-nies li qed imur għand kumpaniji barranin.
Huwa qal li Chris Fearne, li issa intebaħ li Steward mhuma qegħdin jagħmlu xejn, ukoll huwa responsabbli li jara li dan is-serq jieqaf. Dr Delia qal li għalhekk se jibqa’ jiġġieled fil-Qrati u barra minnhom, biex it-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi.
Adrian Delia qal li minflok waqqaf dan il-kuntratt skandaluż, il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jiddefendi dak li għamel Joseph Muscat u fl-aħħar ġimgħat sirna nafu b’laqgħa bejn Robert Abela, Joseph Muscat u Steward, li fiha Steward talbu għal pakkett finanzjarju iktar b’saħħtu u talbu €4 miljun għall-pagi tal-ħaddiema privati.
Dan meta Steward, li hija kumpanija privata, kellha tonora l-miri fl-infrastruttura snin ilu u issa ntalbet estensjoni sas-2023. Net News xandar filmati tat-telqa kbira li hemm fl-isptar San Luqa meta suppost f’dan l-isptar kellhom isiru investimenti kbar. Il-Vitals ħalliet €36 miljun f’dejn meta din kellha tibni sptar f’Għawdex, kellha tirristruttura San Luqa u kellha wkoll tirranġa Karen Grech, u minn dan kollu ma sar xejn.
Il-kuntratt li kien sar mal-Vitals ġab kritika kbira minn kulħadd, inkluż minn unjins u esperti li ddeskrivew dan il-ftehim bħala wieħed fallut.
Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li pajjiżna għandu bżonn jirritorna lura għan-normalità, għax il-korruzzjoni tant infirxet f’pajjiżna li spiċċat nawret l-istituzzjonijiet li suppost qegħdin hemm biex iħarsu l-liġi. M’huwiex aċċettabbli li l-Korp tal-Pulizija jkun imtappan bi skandli u għalhekk huwa importanti li toħroġ il-verità dwar il-każijiet ta’ korruzzjoni li ġew irrappurtati fil-midja.
Huwa qal li l-Ministru Michael Farrugia għandu jġorr ir-responsabbiltà għaliex taħtu saru dawn il-każijiet. Jekk jgħid illi hu iwieġeb għalih biss, mela allura qed jagħmel l-istess bħal dawk li qed jitħallsu ta’ xogħol li ma jagħmlux.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista determinat li jibda paġna ġdida f’pajjiżna, u għalhekk għaddejjin b’riformi meħtieġa biex isir partit tan-nies. Pajjiżna jixraqlu bidla għall-aħjar, u l-Partit Nazzjonalista se jkun il-partit li jġib din il-bidla.
//= $special ?>
