Lokali

Serb u żewġ Maltin arrestati fuq pussess ta’ droga

Tliet irġiel ġew arrestati waqt kontrolli tat-traffiku li saru ġewwa Ħal Għaxaq hekk kif instabu fil-pussess ta’ sustanza li hu maħsub li hi droga.

Żewġt irġiel ta’ 21 sena u 35 sena rispettivament, ġew arrestati wara li twaqqfu fi Triq Dawret, Ħal Għaxaq biex issir tfittxija fil-vetturi li kienu qed isuqu u fuq il-persuna tagħhom.

Fiż-żewġ każi, l-irġiel instabu fil-pussess ta’ diversi pakketti b’sustanza ħadra, allegatament droga, kif ukoll oġġetti oħra relatati ma’ teħid tad-droga.

Ir-raġel l-ieħor, Serb ta’ 28 sena, ġie arrestat wara li l-vettura li hu kien passiġġier fiha, ġiet imwaqqfa fi Triq Għar Dalam biex issir tfittxija fiha.

Fuq ix-xufier u fil-vettura ma nstab xejn irregolari iżda s-Serb instab fil-pussess ta’ pakkett b’sustanza ħadra allegatament droga.

L-irġiel ġew skortati lejn il-lock-up tal-Pulizija, l-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet.

Waqt l-istess kontrolli twaqqaf ukoll Filippin ta’ 40 sena residenti tas-Sliema, kien qed isuq vettura tal-għamla
Fiat Punto bla liċenzja tas-sewqan.

Vettura tal-għamla Nissan Micra kienet qed tinstaq bla liċenzja u polza tal-assigurazzjoni. Apparti minn hekk, is-sewwieq ta’ 19-il sena residenti Birżebbuġia kien qed isuq bla liċenzja tas-sewqan. Il-vettura ttieħdet fil-Garaxx tal-Pulizija permezz ta’ trakk tal-irmonk.

Kien hemm ukoll żewġ każi separati ta’ rġiel ta’ 38 sena u 48 sena rispettivament li nstabu li kienu qed isuqu vetturi taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Twaqqfet ukoll vettura tal-għamla Chevrolet Lacetti misjuqa minn raġel ta’ 33 sena kienet qed tinstaq bid-dawl mhux skont il-liġi. Din ġiet imwaqqfa u pparkjata f’post sigur sakemm tiġi regolarizzata.

L-ispezzjonijiet tmexxew mill-Pulizija tad-Distrett bl-assisstenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, mis-Sezzjoni tal-Klieb, l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga, mil-Garaxx tal-Pulizija, flimkien ma’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.