Il-kampanja ‘Sort it Out’, kampanja li fiha l-Gvern ħoloq skeda ta’ ġbir ta’ skart f’boroż ta’ kulur differenti minn kull lokalità ta’ Malta u Għawdex, swiet miljuni ta’ ewro.
Dan waqt li l-gvern għażel li min ma jkunx konfromi ma’ din l-iskeda jew iħallat l-iskart fil-boroż li mhux suppost, iħallas multi mhux zgħar.
Madanakollu, jidher li numru sostanzjali ta’ skart għadu jitħallat u jinxteħet bl-addoċċ, mingħajr separazzjoni ta’ xejn, mingħajr is-‘Sort it Out’ li tant ftaħar biha l-Gvern Laburista, minkejja li l-familji Maltin qed jisseparaw fi djarhom.
Dwar din is-sitwazzjoni bosta qajmu mistqosijiet u għalekk Net News żar post fil-Magħtab fejn wieħed jista’ jinnota li plastik, injam, ikel u pratikament kollox qed jintefa’ f’post wieħed.
Wieħed jinnota wkoll saqqijiet u tyres mormija bl-addoċċ.
Passi bogħod minn hawnekk il-Wasteserve mistennija tkabbar din iż-żona tal-Magħtab biex tagħmel aktar spazzju għal aktar skart.
Numru ta’ bdiewa jinsabu rrabjati għaliex l-ammont ta’ raba’ li ser tinsteraq hu kbir daqs 35 ground tal-football.
Il-bdiewa jinsabu mħassba mhux biss għall-fatt li se titkabbar żona fejn l-iskart mhux ikun separat imma għall-fatt li l-art li se tittieħed fiha blat tal-qawwi. Dan minflokk intagħżlet art differenti bi blat inqas prestiġġjuż.
B’dan il-proġett mhux biss se jinsterqu u jinqerdu numru kbir ta’ għelieqi u art agrikola iżda wkoll mijiet ta’ siġar inkluż dwak tal-ħarrub.
Se jittieħdu għelieqi li ilhom jinħaddmu għal tliet ġenerazzjonijiet minflokk għelieqi oħrajn fil-madwar li ma jintużawx. Il-bdiewa saru jafu b’dan kollu wara avviż mill-Wasteserv li sabuħ imwaħħal mal-għelieqi tagħhom, fejn il-Gvern se jkun qed jieħu aktar art biex tiġi estiża l-landfill.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-self-employed, negozji żgħar, u l-biedja, Edwin Vassallo, stqarr li dan “huwa frott il-falliment tal-gvern li naqas milli jibni l-inċineratur tal-iskart.”
Hu saħaq li “din hija daqqa ta’ ħarta oħra għall-bdiewa, għall-komunitajiet tan-Naxxar, tal-Għargħur, tal-Magħtab, u ta’ Baħar iċ-Ċagħaq… u fuq kollox daqqa ta’ ħarta oħra għall-pajjiz.”
Fl-aħħar ħinijiet Edwin Vassallo, permezz ta’ post fuq Facebook qal li dan hu “falliment totali u skandlu nazzjonali fis-sistema ta’ seperazzjoni tal-iskart u min fuq il-wasteserv trid testendi l-miżbla biex tkompli twettaq dan l-abbuż. Issa mhux biss mal-bdiewa iżda mal-poplu Malti. Dan huwa gvern li falla fl-immaniġjar tal-iskart. Grazzi għall-crew ta’ NET News li qed juri lill-poplu Malti dan l-abbuż.”
Il-PN qed jitlob lill-gvern jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jgħid ċar u tond li dak ir-raba’ mhux ser jittieħed.
//= $special ?>