Internazzjonali Kurżitajiet

51% ta’ min iħaddem għadu jiġġudika skont l-apparenza

Stħarriġ imwettaq fir-Renju Unit wera li d-diskriminazzjoni sabiex persuna ssib xogħol għadha fattwali ħafna. Żewġ managers minn ħamsa ammettew li skonthom kandidat għal xogħol li jkollu t-tpinġija jew mhux liebes ħwejjeġ xieraq ma jagħżluhx.

Minkejja d-diversi regoli fil-qasam tax-xogħol u ankè li huwa llegali li tiddeskrimina waqt interview f’dak li għandu x’jaqsam reliġjon, ġeneru u diversi karatteristiċi oħra – stħarriġ fl-aħħar jiem wera li sfortunatament xorta waħda l-ewwel ma tolqot hija l-għajn.

51% ta’ min iħaddem saħqu li jagħmlu forma ta deskriminazzjoni fuq min jiġi quddiemhom għal interview. 43% minnhom saħqu li ma jħadmuhomx għax ikollhom tpinġija viżibbli, 40% fuq il-ħwejjeġ li jilbu u 30% oħra skont l-istil ta’ xagħarhom.

Nofshom saħqu li tkun impossibli jħarsu lejn xi ħadd abbażi tal-kwalifiċi tagħhom biss – madanakolu bosta saħqu li min iħaddem għandu jżomm moħħu miftuħ u jħaddem abbażi tal-potenzjal li persuna għandha u mhux skont l-apparenza.

Il-fatt li persuna jkollha misluta, tpinġija jew stil ta’ xagħar li jispikka ma jfissirx li mhux ħabbrieka f’xogħolha, mimlija ideat u talenti.