Internazzjonali

Aġġornament dwar il-Coronavirus… jieqaf il-Karnival ta’ Venezja fost stat ta’ ‘lockdown’ fl-Italja

L-uffiċjali Taljani qatgħu ħesrem il-Karnival ta’ Venezja meta l-Italja qed tipprova tikkontrolla l-agħar epidemija tal-coronavirus li feġġet s’issa fil-kontinent tal-Ewropa.

L-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Veneto qalu li l-avveniment popolari ( il-Karnival ta’ Venezja) se jintemm il-lejla stess — jiġifieri jumejn aktar kmieni miż-żmien previst.

L-Italja, fil-preżent, għandha l-ogħla numru ta’ każi tal-coronavirus fl-Ewropa, bl-aħħar ammont ikkonfermat ilaħħaq mal-152. Issa sar magħruf ukoll li mietu tliet persuni mill-effetti tal-epidemija.

L-awtoritajiet Taljani, intant, imponew ir-restrizzjonijiet stretti ta’ kwarantina f’żewġ reġjuni — qrib ta’ Milan u Venezja — li ġew indikati bħala ‘hotspots’ tal-coronavirus.

Fil-preżent, madwar 50,000 persuna huma projbiti milli jidħlu jew iħallu numru ta’ bliet fiz-zoni ta’ Veneto u Lombardia. Ir-restrizzjonijiet huma validi għal ħmistax u ma jistgħux isiru l-movimenti tan-nies (fl-imsemmija nħawi) mingħajr permess speċjali.

Ġie kkonfermat li, anki ‘il hinn minn dawn iz-zoni, ħafna skejjel u negozji sospendew l-attivitajiet, bl-avvenimenti sportivi — inklużi l-logħob tal-futbol tas-Serie A — jispiċċaw ikkanċellati.