Internazzjonali Saħħa

Il-Coronavirus: L-Italja tieħu l-kontro-miżuri urġenti, bil-każi ta’ infezzjoni jaqbżu l-100

L-awtoritajiet fl-Italja qegħdin jaħdmu fuq programm intensiv bil-għan li jikkontrollaw l-akbar epidemija tal-coronavirus ġdida fl-Ewropa. Dan meta ngħalqu l-aċċessi għall-aktar bliet affettwati mill-virus b’numru ta’ avvenimenti – inklużi l-logħob tal-futbol kważi kollu tas-Serie A – jispiċċaw posposti minħabba l-potenzjal li l-infezzjonijiet jinfirxu.

In-numru ta’ nies affettwati mill-coronavirus fl-Italja qabeż il-100 fl-aħħar sigħat, b’kollox qed jindika li l-każi jridu jiżdiedu fil-ġranet li ġejjin. Il-Gvern Taljan issa beda jimplimenta miżuri rari ta’ emerġenza u mindu, fi tmiem il-ġimgħa, irriżultaw l-ewwel tliet imwiet mill-coronavirus fir-reġjuni ta’ Lombardia, Veneto u Crema.

Il-każi konfermati ta’ infezzjonijiet mill-virus ġdid fil-Lombardia żdiedu għal 90 minn 54 (matul il-ġurnata preċedenti). Intant, mardu bil-coronavirus xi 24 persuna fl-inħawi tal-Veneto – inklużi żewġ persuni f’Venezja fejn mistennija jitħassru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival fid-dawl ta’ din l-emerġenza.

L-uffiċjali tas-saħħa Taljani rrappurtaw każi iżolati tal-virus anki fir-reġjuni tal-Piemonte u l-Emilia Romagna – bit-total ‘magħruf’ tal-infezzjonijiet fl-Italja jkun stabbilit mal-132 każ.

Tal-anqas għaxar bliet fil-Lombardia u l-Veneto – li l-popolazzjoni tagħhom tammonta għal xi 50,000 – tpoġġew effettivament f’sitwazzjoni ta’ kwarantina. Dan meta r-residenti ta’ dawn il-bliet qed ikunu mħeġġa biex jibqgħu d-dar u, skont ir-rapporti, jeħtieġu l-permess biex jidħlu jew joħorġu miż-żoni indikati.

Ittieħdu wkoll miżuri rari ta’ emerġenza għall-universitajiet fin-naħa ta’ fuq tal-Italja, bl-awtoritajiet tas-saħħa lokali qegħdin jippruvaw jiddeterminaw il-bidu tal-epidemija. L-ewwel każi tal-coronavirus fl-Italja kienu tħabbru nhar il-Ġimgħa u t-tobba lokali għad ma jafux is-sors eżatt ta’ din il-marda.

Il-Lombardia u l-Veneto jirrappreżentaw il-qalba industrijali tal-Italja u, bejniethom, jammontaw għal xi 30 fil-mija tal-prodott domestiku gross. Għaldaqstant, kwalunkwe intoppi relatati għall-industriji mill-coronavirus x’aktarx li jħallu impatt serju għall-ekonomija sħiħa tal-Italja, li tinsab diġà fil-periklu ta’ riċessjoni.

Fi żviluppi oħra, il-Korea t’Isfel żiedet il-livell tal-allert għall-coronavirus sal-‘massimu’ filwaqt li komplew jiżdiedu l-każi tal-infezzjoni f’artha.

Il-President Korean Moon Jae-in qal li pajjiżu qed jiffaċċja ‘ċirkustanzi gravi’ u li l-jiem li jmiss se jkunu kruċjali għall-battalja lejn it-trażżin tal-effetti tal-epidemija. Dan meta sa issa mietu sitta mill-coronavirus fil-Korea t’Isfel, b’aktar minn 600 ċittadin jispiċċaw infettati.

Ikkummenta