Lokali

AĠĠORNATA: CORONAVIRUS: Jibda l-iscreening imma m’hemmx biżżejjed ħaddiema

Iktar minn 24 siegħa wara li l-Gvern ħareġ stqarrija fejn qal li se jibda jsir screening fuq il-persuni li jaslu f’Malta minħabba l-Coronavirus, m’hemmx biżżejjed nies biex jimmoniterjaw l-iscreening li qed isir fuq il-passiġġieri.

It-Tnejn fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waslu diversi titjiriet mill-Italja; pajjiż fejn il-każi pożittivi għall-Coronavirus qed jiżdiedu b’mod konsiderevoli.

Daħlu wkoll diversi vjaġġi, kemm b’vapuri tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, fil-portijiet ta’ Malta. Madankollu ħadd minn dawk abbord il-vapuri ma kien qed jiġi iċċekkjat.

Sat-Tnejn filgħodu l-awtoritajiet tas-Saħħa kienu għadhom qed jinstallaw sistemi ta’ kameras li jikkalkulaw it-temperatura tal-ġisem. Iżda għalkemm screening beda jsir – permezz ta’ cameras li mhux qed jidhru – jirriżulta li xorta l-awtoritajiet m’ghandhomx ħaddiema biżżejjed biex janalizzaw dan il-proċess; analiżi li mhiex kompetenza tal-MIA imma tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Sadattant anke l-ħaddiema tal-port waqqfu l-operat tagħhom minħabba tħassib dwar saħħithom.

Dan l-istazzjon jinsab infurmat li l-Ħadd filgħaxija, meta l-Coronavirus fl-Italja diġa kien mifrux sew, minn dan il-pajjiż daħal bastiment mgħobbi bi 22 karozza u żewġ muturi li tniżżlu bla problemi.

L-għada, daħal bastment ieħor li wkoll beda jinħatt mill-merkanzija, sakemm jidher li saru akkużi li d-dokumenti tiegħu… li jiċċertifikaw li dawk kollha abbord ma kinux morda… ma kinux veritiera.

Fl-aħħar ħinijiet tħabbar ukoll li 4 vjaġġi tal-AirMalta skedati għal għada tħassru.

X’ħareġ ilbierah:

Wara stennija fit-tul, ilbierah tħabbar li fl-aħħar se jkunu implimentati azzjonijiet meħtieġa f’Malta fir-rigward tal-Coronavirus.

Fid-dawl tal-firxa tal-virus li issa waslet ukoll f’pajjiżi Ewropej inkluż l-Italja, l-awtoritajiet bdew screening tal-passiġġieri kollha li jkunu ġejjin minn pajjiżi affettwati.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Italja, se jibda screening ġdid bl-introduzzjoni ta’ screening għad-deni fil-punti tad-dħul fil-pajjiż.

Matul din il-ġimgħa, se jiġu nstallati kameras appostata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn il-passiġġieri KOLLHA deħlin se jiġu iċċekjati. Dan se jiġi implimentat ukoll fit-terminals tal-cruise liner u tal-katamaran. L-iscreening termali huwa mod ta’ screening għall-għadd kbir ta’ nies li jgħaddu mill-punti tad-dħul. Kull persuna li tkun identifikata li għandha deni tiġi evalwata b’mod differenti wkoll.

Din hija sistema li ilha għal ġimgħat sħaħ f’numru bir ta’ ajruporti madwar id-dinja inkluż fl-Ewropa u sa fl-aħħar Malta se jkollna sistema simili.
 
L-awtoritajiet tas-saħħa jappellaw għall-kooperazzjoni mill-pubbliku ġenerali għall-iskrining tan-nies għall-identifikazzjoni bikrija tal-każijiet u jfakkar lill-pubbliku biex jikkuntattja l-linja ta’ għajnuna fuq 21324086 jew lit-tabib tagħhom jekk ikunu vvjaġġaw lejn żoni milquta u jkollhom xi sintomi respiratorji fi żmien 14-il jum minn meta jirritornaw u biex ma tmurx direttament f’ċentri tas-saħħa jew fi sptar.

L-awtoritajiet tas-saħħa jappellaw ukoll għall-kooperazzjoni fil-miżuri tas-saħħa pubblika li qed jittieħdu fl-investigazzjoni ta’ każijiet suspettati, iżolament, traċċar ta’ kuntatti u kwarantina.
 
Sal-preżent, 2 każijiet suspettati ġew ittestjati u rriżultaw negattivi u 3 persuni jinsabu fil-kwarantina wara kuntatt possibbli ma’ każ ikkonfermat fuq il-cruise liner Westerdam. It-3 kuntatti kollha baqgħu bla sintomi.