Lejl twil dak ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd fl-Italja hekk kif eskalaw l-isforzi tal-awtoritajiet biex ma jibqax jinfirex il-virus li oriġina miċ-Ċina.
Dan wara li fl-aħħar jiem żdied b’mod drastiku in-numru ta’ persuni infettati bil-Coronavirus, li sa issa ħalla żewġ vittmi fil-pajjiż ġar tagħna.
Il-biċċa l-kbira tal-każi jinsabu fil-Lombradia, iżda oħrajn jinsabu wkoll fil-Veneto, l-Emilia Romagna, f’Lazio u fil-Piemonte.
Iz-zoni milquta se jkunu mgħassa mill-uffiċjali tal-Pulizija u tal-armata, u ħadd mhu se jitħalla jidħol jew joħroġ minnhom, ħlief b’permess speċjali. Skejjel, ħwienet, mużewijiet u uffiċini pubbliċi fil-lokalitajiet imsemmija se jinżammu magħluqa. In-numru ta’ ċittadini li se jkunu milquta minn dawn ir-restrizzjonijiet hu ta’ madwar 47,000.
Attivitajiet sporti fil-Lombaria u l-Veneto tħassru, biex anke l-logħob tas-serje A li kienu se jaraw lil Inter, Atalanta u l-Verona fl-azzjoni, issa ġew posposti.
Minbarra l-Italja, il-Korea t’isfel ukoll rat żieda fin-numru ta’ persuni infettati fl-aħħar jiem, fejn il-każi issa qabżu l-550, b’4 persuni jmutu kaġun tal-Virus.
//= $special ?>