Internazzjonali Lokali

‘Friends’… Lura għal programm speċjali ta’ darba

It-tim tal-atturi li kisbu fama dinjija bħala ‘il-grupp ta’ ħbieb’ fis-sensiela popolari Friends se jingħaqdu flimkien mill-ġdid għal programm speċjali ta’ darba – aktar minn 15-il sena wara l-konklużjoni tas-sensiela.

L-episodju – li diġà qed iqanqal ferment fost  id-dilettanti – mistenni jintwera fuq is-servizz tas-streaming tal-HBO Max li se jkun inawgurat f’Mejju, bid-data speċifika għad trid titħabbar.

Intant, hemm stennija kbira għar-reunjoni ta’ Jennifer Anniston (Rachel), Courteney Cox (Monica), Lisa Kudrow (Phoebe), Matt LeBlanc (Joey), Matthew Perry (Chandler) u David Schwimmer (Ross) wara snin ta’ spekulazzjoni dwar jekk dawn qatt kellhom jidhru flimkien mill-ġdid għal kapitlu ieħor tas-sitcom.

Issa tneħħa kull dubju dwar dan ladarba l-atturi bdew jiċċirkolaw messaġġ indikattiv mingħand Matthew Perry fuq Instagram.

Is-sensiela Friends intweriet mill-1994 sal-2004, bl-aħħar episodju jkun segwit minn 52.5 miljun telespettatur fl-Istati Uniti. L-episodju kien ikkonfermat bħala l-aktar wieħed (fuq it-televiżjoni) li qatt qanqal attenzjoni fuq skala massiċċa matul is-snin elfejn.

Sadanittant, Friends għandu wkoll il-ġenerazzjonijiet ġodda tas-segwaċi permezz ta’ Netflix. Fil-fatt, is-sensiela, fl-2018, kienet l-aktar sitcom favorita fir-Renju Unit bis-servizz tas-streaming – minbarra li t-tieni l-aktar show popolari ta’ Netflix fl-Istati Uniti għal matul l-istess sena.

L-HBO Max issa akkwista d-drittijiet għas-sensiela (u l-katalgu ta’ episodji) għall-ekwivalenti ta’ ’l fuq minn 350 miljun ewro.