Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-Gvern jgħaddi romblu minn fuq il-bdiewa u l-Kunsilli Lokali

Il-Gvern Laburista kompla għaddej romblu minn fuq il-pajjiż, fejn din id-darba l-vittmi spiċċaw il-bdiewa li jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-art li għandhom fiz-zona tal-Magħtab, art li ser tiddeħdilhom mill-Gvern sabiex ikabbar il-faċilitajiet tal-Wasteserv.

Is-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami saħqet ma’ Net News li fl-ebda mument il-Kunsill flimkien mar-residenti tal-lokal, ma ġew ikkonsultati mill-Ministeru tal-Ambjent jew tal-Kunsilli Lokali – iżda d-deċiżjoni ttieħdet b’dawk li ser jiġu affettwati direttament jiġu injorati għal kollox.

Dan fid-dawl li waqt kumitat parlamentari, li fih kienet saret preżentazzjoni tal-pjanti tal-proġett minn uffiċċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar, kien appella sabiex issir konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, kif ukoll mal-bdiewa u r-residenti – iżda jidher li dan kollu waqa’ fuq widnejn torox.

Matul din il-laqgħa jidher ukoll li allegatament kelliema għall-Gvern u uffiċjali tiegħu deheru kemmxejn skomdi sabiex jwieġbu l-għaliex ġiet magħżula ż-żona tal-Magħtab meta fil-verità l-landfill kellha tintuża bħala spazju li jitgawda mill-pubbliku.

Skont il-kalkoli ta’ qisien li jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern l-ammont ta’ raba li se jittieħed se jkun ta’ 226 tomna, li huma daqs 35 grawnd tal-futbol – dan fl-isfond tal-karba tal-Gvern, evidentament issa fażulla, li hemm bżonn ta’ aktar ħarsien tal-ambjent – meta fil-verità b’din il-mossa ser jeqred aktar art maħduma għad-detriment tal-prodott lokali.

Filwaqt li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ħareġ ċar u tond kontra li din ir-raba tittieħed biex isir kontinwazzjoni tal-landfill u għalhekk kontra li din ir-raba tinqered – bħal ma kien spjegat mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, dan i-proġett jinkludi wkoll l-inċeneratur.

Ankè f’dan il-każ tal-inċeneratur tal-plastik, is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami saħqet ma Net News li fl-ebda mument il-kunsill ma ġie kkonsultat.

Dan minkejja li fi tweġiba Parlamentari, għal mistoqsija ta’ Robert Cutajar, Josè Herrera – li dak iż-żmien kien iservi bħala Ministru responsabbli mill-Ambjent, kien sostna li dejjem kellu fil-ħsieb li fil-mument opportun jagħmel laqgħa ta’ konsultazjoni mal-Kunsilli Lokali – madanakollu jider li dan il-mument opportun qatt ma wasal.

Fl-aħħar sigħat Net News żvela li minkejja li l-pubbliku fil-maġġoranza tiegħu qed isegwi l-iskema ‘Sort it Out’, jidher li l-Gvern innifsu mhux isegwiha.

Dan minħabba l-fatt li minkejja li ċ-ċittadini jixħtu l-iskart fil-boroż bojod, griżi u suwed – kif ukoll ankè jixħtu l-iskart reċiklabbli fl-iskips rispettivi – jidher li kollox qed jitħallat f’daqqa fil-landfill tal-Magħtab. Filmati miġbuda minn din il-kamra tal-aħbarijiet urew il-kriżi li hemm f’din iz-zona, l-istess waħda li l-Gvern irid ikabbar b’mod sostanzjali… b’ikel, kartun u skart varju ieħor f’munzell wieħed.

Intant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, Jason Azzopardi insista li ilu jisħaq li hemm ħallata ballata fl-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab ‘il fuq minn sena kif ukoll ilu 8 xhur jisfida lill-Gvern sabiex iwieġeb lill-midja dwar is-sitwazzjoni li hemm f’din iz-zona… iżda l-Gvern baqa’ jinjora u jaħrab milli jieħu azzjoni.