Internazzjonali

Il-primarji fl-Istati Uniti…Sinjali tajbin għal Sanders f’Nevada

Is-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders, ikkonsolida postu bħala favorit fost il-kandidati tal-Partit Demokratiku li qed jikkuntestaw għad-dritt li jirrappreżentaw lill-partit fl-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Ir-rebbieħ ta’ din it-tellieqa jikkuntesta kontra l-President Repubblikan Donald Trump u, waqt li Sanders, s’issa, kiseb ir-riżultati konvinċenti,  għad fadal mhux ħażin għall-konferma finali tal-kandidat innominat tad-Demokratiċi.

Bernie Sanders, intant, qed jidher li kaxkar il-caucuses fl-Istat ta’ Nevada. Ir-riżultati, għalissa, anki indikaw li l-eks Viċi-President Amerikan, Joe Biden, mar aħjar milli kien mistenni wara d-disfatti li sofra fil-primarji preċedenti ta’ Iowa u New Hampshire.

Dawn il-primarji qed iservu biex il-kandidati Demokratiċi jikkonvinċu lill-votanti Amerikani rigward il-kapaċitajiet tagħhom biex jisfidaw lil Trump għall-Presidenza. Filwaqt li għadhom qed jgħoddu l-voti f’Nevada, Sanders qed jidher b’vantaġġ qawwi ħafna fuq Biden meta warajhom – b’livell anqas ta’ appoġġ – kien hemm il-kandidat ta’ nisel Malti, Pete Buttigieg u Elizabeth Warren.

Il-kandidati li jirbħu ‘il fuq min 15 fil-mija tal-vot jingħataw id-delegati li, f’Lulju, jippreżentaw ruħhom għall-konvenzjoni tal-Partit Demokratiku bil-għan li jappoġġjaw lill-kandidat tagħhom. Intant, ir-rebħa għal Sanders f’Nevada qed titqies bħala pass importanti ieħor għalih anki jekk fadallu ‘baħar x’jaqsam’ fi proċess twil u diffikultuż.

F’diskors li għamel f’Texas, Bernie Sanders faħħar ‘il-koalizzjoni tas-sostenituri ( tiegħu) magħmulha minn diversi razzez u ġenerazzjonijiet’ waqt li attakka lil Donald Trump bħala ‘President li jigdeb il-ħin kollu’.

Wara Nevada, imiss il-primarji tas-Sibt fl-Istat ta’ South Carolina li se jkun l-akbar fost l-erba’ Stati Amerikani li jkunu vvutaw qabel Marzu. F’South Carolina qed jgħixu l-akbar perċentwal ta’ votanti Afrikani-Amerikani.