Lokali

“Jistgħu jikkompromettu l-investigazzjonijiet”

L-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kellu żewġ laqgħat sigrieti ma’ persuna qrib ħafna ta’ Melvin Theuma, il-middleman li ngħata l-maħfra Presidenzjali sabiex jixhed fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Skont sorsi li tkellmu mal-ġurnal The Sunday Times of Malta, dawn il-laqgħat li għamel Cutajar setgħu ipperikolaw l-investigazzjoni tal-każ kollu.

Il-gazzetta tiżvela li Lawrence Cutajar kellu żewġ laqgħat ma’ Edwin Brincat, magħruf bħala il-Ġojja, ħabib personali ta’ Melvin Theuma.

L-ewwel laqgħa saret fiż-żmien meta l-investigaturi kienu qed iħejju pjan biex jarrestaw lil Theuma. Din il-laqgħa saret minn wara dahar l-investigaturi u kien hemm tħassib serju dwar “possibilta’ ta’ konfoffa” bejn l-eks Kummissarju tal-Pulizija u wieħed mis-suspettati tal-assassinju.

The Sunday Times tkompli li wara li saru jafu b’din il-laqgħa, huma avviċinaw lil Cutajar u qalulu biex ma jerġax jiltaqa’ ma’ Brincat.

Iżda jidher li minkejja din it-twissija, Lawrence Cutajar reġa’ ltaqa’ ma’ il-Ġojja u din il-laqgħa saret ftit jiem qabel il-pulizija kellha tarresta lil Melvin Theuma fuq suspetti ta’ ħasil ta’ flus iżda fl-istess waqt biex titkixxef iktar dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan jidher li wassal biex l-investigaturi imexxu ‘l quddiem id-data tal-arrest ta’ Theuma minħabba li nnutaw bidla fir-rutina regolari tiegħu li ta x’jifhem li Theuma seta’ ġie informat li se jiġi arrestat.

Dan kien konfermat hekk kif l-evidenza li ġabret il-pulizija ikkonfermat li Melvin Theuma kien jaf li hi, il-mara tiegħu u bintu kienu se jiġu arrestati b’rabta ma’ imħatri illegali iżda fir-realta’ biex jiksbu iktar evidenza dwar il-qtil tal-ġurnalista.

Ikkuntattjat mill-ġurnal, Lawrence Cutajar ikkonferma li kellu żewġ laqgħat ma’ il-Ġojja iżda insista li f’dan il-każ, bħal kull każ ieħor fejn iltaqa’ ma’ informers fid-dinja tal-kriminalita’, għamlu in good faith sabiex jgħin fl-investigazzjoni.

Il-Ġojja kien qrib ħafna ta’ Melvin Theuma, b’sorsi jgħidu li qisu missier adottiv tal-istess Theuma. Jidher li kien hu li ħeġġeġ lil Melvin Theuma biex jirrekordja id-diskorsati li qed ikollu ma’ Yorgen Fenech. Dawn ir-recordings saru evidenza ewlenija fil-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech li jinsab akkużat b’kompliċita’ fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.